Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Kompetizzjoni tal-videos

Kompetizzjoni ImagineEU

Immaġina l-bidla li tixtieq tara fl-Unjoni Ewropea

Kif tista’ l-UE tkun saħansitra post aħjar fejn tgħix? L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti liċ-ċittadini tal-UE joħorġu b’ideat konkreti għal-liġijiet tal-UE. Il-kompetizzjoni ImagineEU tagħti lill-adolexxenti l-possibbiltà li jaħsbu dwar ideat li xi darba jistgħu jsiru s-suġġett ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej!

Intom għalliema fi skola sekondarja?
Teacher and students discussing in a classroom

Agħtu s-setgħa lill-istudenti tagħkom biex isiru persuni li jġibu l-bidla!

Ħeġġu lill-istudenti tagħkom (tal-aħħar sentejn) joħolqu tim ta’ mhux aktar minn 7 u jħejju video qasir li juri l-idea tagħhom għal titjib konkret fl-UE. Se jkollhom bżonnkom fil-proċess tal-applikazzjoni u biex takkumpanjawhom matul il-vjaġġ ta’ studju fi Brussell, jekk jirbħu. Il-kompetizzjoni ImagineEU tagħti lill-istudenti l-opportunità li jaħdmu bħala tim u jiżviluppaw ħiliet utli biex ikunu ċittadini attivi, filwaqt li tintroduċihom għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

Biex tgħinu lill-istudenti tagħkom isiru jafu dwar il-parteċipazzjoni demokratika fl-UE, tistgħu tużaw is-sett ta’ għodod edukattivi “Id-demokrazija tal-UE fl-azzjoni - Semma’ leħnek bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej”. Is-sett ta’ għodod ikopri wkoll il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u persważjoni u jipprovdi suġġerimenti dwar kif jista’ wieħed jagħmel video effettiv. Hu disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-UE kollha.

Inti student fl-aħħar sentejn tal-edukazzjoni sekondarja?
Students in front of a video camera

Għaqqad tim ta’ mhux aktar minn 7 studenti u wassal l-idea tiegħek fvideo qasirIkkuntattja lill-għalliema tiegħek, idħol fil-kompetizzjoni u, jekk tirbaħ, ikollok l-opportunità li żżur Brussell u titgħallem aktar dwar kif isiru l-liġijiet tal-UE! 

Il-kompetizzjoni ImagineEU tagħtik l-opportunità li tpoġġi l-enfasi fuq xi ħaġa li taħseb li tista’ tkun aħjar fil-komunità jew f’pajjiżek u li tista’ ssir liġi fl-Unjoni Ewropea kollha. Agħmel video qasir li jispjega x’jeħtieġ li jinbidel, ipproponi kif dan jista’ jsir, u mbagħad wassal lil persuni oħrajn biex jappoġġjaw l-idea tiegħek.

X’inhuma r-rekwiżiti biex wieħed jidħol fil-kompetizzjoni?

Din il-kompetizzjoni hija indirizzata lill-istudenti fl-aħħar sentejn tal-edukazzjoni sekondarja mill-pajjiżi kollha tal-UE. Taħt is-superviżjoni tal-għalliema jistgħu jieħdu sehem timijiet ta’ mhux aktar minn 7 studenti u jissottomettu l-video tagħhom sat-13 ta’ Diċembru 2023.

Il-videos li jissodisfaw il-kriterji se jittellgħu fuq il-paġna web tal-kompetizzjoni, u se jinfetaħ perjodu ta’ votazzjoni pubblika sal-20 ta’ Diċembru 2023. It-tim tiegħek jista’ jagħmel kampanja għall-video tiegħu, jistieden lill-ħbieb, lill-familja u lin-network biex jappoġġjaw l-idea tagħkom u jivvutaw għaliha. Il-voti pubbliċi se jkunu wieħed mill-fatturi kkunsidrati minn ġurija ta’ esperti tal-IĊE.

Din il-kompetizzjoni tibni fuq il-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), għodda importanti ta’ demokrazija parteċipattiva fl-UE, li tippermetti liċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fit-tfassil tal-politika tal-UE. Il-kompetizzjoni hija organizzata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, SG.A.1 - Unità għall-Prijoritajiet tal-Politika & Programm ta’ Ħidma.

Premju

It-tliet timijiet rebbieħa se jirbħu vjaġġ ta’ studju fi Brussell, il-qalba tal-Unjoni Ewropea, mill-21 sat-23 ta’ Marzu 2024.

Matul il-vjaġġ, it-tim tiegħek se jkollu l-opportunità li jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej biex isir jaf aktar dwar kif isiru l-politiki u l-liġijiet tal-UE u kif iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jinvolvu ruħhom fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. 

Kriterji ta' eliġibbiltà

  • Tim għandu jikkonsisti minn mhux aktar minn 7 studenti fl-istess skola sekondarja fl-aħħar sentejn tagħhom (minn kwalunkwe pajjiż tal-UE).
  • Il-video għandu jindirizza suġġett li jaqa’ f’wieħed mill-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea – kif inhu l-każ tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.
  • Kull video għandu jkun mhux aktar minn 3 minuti; prodott u sottomess bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, flimkien ma’ traskrizzjoni bl-Ingliż.
  • L-applikazzjoni għandha ssir mill-għalliema ta’ superviżjoni, li se jakkumpanjaw ukoll lill-istudenti fi Brussell jekk jirbħu.
  • L-għalliema l-ewwel għandhom japplowdjaw il-video fuq Vimeo jew YouTube, imbagħad jinkludu l-link fil-formola tal-applikazzjoni.
  • Il-formoli ta’ kunsens għal kull student li jidher fil-video, mimlijin u ffirmati kif xieraq, iridu jingħataw bħala parti mill-applikazzjoni.

Kriterji tal-għoti

L-10 videos bl-ogħla numru ta’ voti mill-votazzjoni pubblika se jkomplu jiġu evalwati minn ġurija. Il-ġurija se tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

  • Rilevanza għall-IĊE (0-25 punti): L-idea fil-video hija rilevanti bħala suġġett għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?  
  • Ċarezza (0-50 punti): Il-messaġġ huwa ċar u konċiż? 
  • Kreattività (0-25 punti): L-idea hija oriġinali? It-tim jindirizza l-idea b’mod interessanti?

Kronoloġija

Il-kompetizzjoni tinkludi l-istadji li ġejjin:

  1. Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
    16 ta' Ottubru 2023 - 13 ta' Diċembru 2023
  2. Perjodu tal-votazzjoni pubblika
    20 ta' Diċembru 2023 - 28 ta' Jannar 2024
  3. Tħabbir tar-rebbieħa
    sal-20 ta' Frar 2024
  4. Premju (vjaġġ ta’ studju fi Brussell)
    21 - 23 ta' Marzu 2024

Formola ta' applikazzjoni

Materjali promozzjonali

Materjali ta’ komunikazzjoni lesti huma disponibbli b’24 lingwa uffiċjali tal-UE biex jippromwovu l-kompetizzjoni ImagineEU.

Informazzjoni ta’ kuntatt

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?