Illum jibda japplika r-Regolament dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari. Il-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament ġiet adottata fl-2019, wara l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent jiġu protetti mill-pestiċidi tossiċi”. Fit-30 ta’ Marzu se jsir avveniment ta’ ċelebrazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-organizzaturi tal-ECI.

Fid-19 ta’ Frar, minħabba l-isfidi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi bi tliet xhur oħra l-inizjattivi taċ-ċittadini li kienu fil-proċess li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fl-1 ta’ Frar 2021. L-organizzaturi tal-inizjattivi kkonċernati ġew innotifikati mill-Kummissjoni. Aqra t-test tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tweġiba tagħha għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Minority Safepack – miljun firma favur id-diversità fl-Ewropa”, il-ħames Inizjattiva li rnexxiet appoġġjata minn aktar minn miljun ċittadin mill-UE kollha. Aqra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
Illum qed tidħol fis-seħħ id-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb, rispons dirett għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kellha suċċess, l-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma hu ġid pubbliku, mhux komodità! Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tiżgura s-sikurezza u l-kwalità tal-ilma tax-xorb, kif ukoll aċċess aktar faċli għalih għall-gruppi vulnerabbli.

Il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva ġdida taċ-ċittadini Ewropej: “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”. L-organizzaturi jħeġġu lill-Kummissjoni tipproponi att legali li jtemm darba għal dejjem l-użu ta’ data bijometrika b’mod indiskriminat u mmirat b’manjiera arbitrarja li jista’ jwassal għas-sorveljanza tal-massa jew kwalunkwe interferenza żejda fid-drittijiet fundamentali.

Minħabba l-isfidi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, fis-17 ta’ Diċembru l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti estensjoni ta’ tliet xhur għall-inizjattivi taċ-ċittadini li kienu fil-proċess li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fl-1 ta’ Novembru 2020. L-organizzaturi tal-inizjattivi kkonċernati se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni. Aqra t-test tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Ġimgħa tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej seħħet online bejn is-16 u l-20 ta' Novembru 2020. Imniedi mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová, l-avveniment laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-istituzzjonijiet Ewropej, is-soċjetà ċivili u organizzaturi ta’ inizjattivi taċ-ċittadini. Jekk ma lħaqtx issegwi l-avveniment, ir-recordings ta’ kull sessjoni huma disponibbli hawn.

L-organizzaturi tal-inizjattiva “End the Cage Age” iltaqgħu mal-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová u l-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Stella Kyriakides.

Il-Parlament Ewropew se jorganizza smigħ pubbliku dwar il-ħames Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kellha suċċess “Minority Safepack – one million signatures for diversity in Europe” fil-15 ta’ Ottubru mid-9.00 sas-13.00. Minħabba r-restrizzjonijiet attwali tal-COVID-19, il-laqgħa se ssir parzjalment mill-bogħod bi preżenza fiżika limitata fil-kamra, iżda se tixxandar kompletament fuq l-internet għall-pubbliku.

Illum, il-21 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva ġdida taċ-ċittadini: Right to Cure. L-organizzaturi issa għandhom sa sitt xhur biex jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mingħand iċ-ċittadini fl-Ewropa kollha.

