Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

L-aħħar aħbarijiet

New initiative registered
  • 24/07/2024
Il-Kummissjoni tirreġistra żewġ inizjattivi ġodda taċ-ċittadini Ewropej

Fl-24 ta’ Lulju l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tirreġistra żewġ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

L-inizjattiva “Stop Cruelty Stop Slaughter” (“Inwaqqfu l-Moħqrija u t-Tbiċċir”) titlob inċentivi għall-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti, inklużi l-ħalib ibbażat fuq il-pjanti u s-sostituti tal-bajd, kif ukoll il-laħam ikkultivat. L-organizzaturi jappellaw ukoll għal tnaqqis fl-għadd tal-annimali tar-razzett u l-għeluq progressiv tal-irziezet kollha tal-annimali.

L-inizjattiva “Stop Fake Food: Origin on Label” (“Inwaqqfu l-ikel Falz: l-Oriġini fuq it-Tikketta”) titlob miżuri li jiżguraw l-aċċess tal-konsumaturi Ewropej għal informazzjoni trasparenti dwar l-ikel li jixtru, kif ukoll tikkettar ċar u espliċitu tal-oriġini għall-prodotti kollha u għall-aderenza mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u tax-xogħol fis-suq intern.

Dawn l-inizjattivi huma t-tmien u d-disa’ waħda reġistrati fl-2024. L-organizzaturi issa għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. 

IT developments
  • 16/07/2024
Numri minimi ġodda ta’ firem validi għal kull Stat Membru għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej irreġistrati mis-16 ta’ Lulju 2024

Hekk kif bdiet il-leġiżlatura Ewropea 2024-2029 fis-16 ta’ Lulju 2024,l-Anness I tar-Regolament dwar l-IĊE rivedut sar applikabbli. Dan jistabbilixxi numri minimi ġodda ta’ firmatarji għal kull Stat Membru (“limiti”). Dawn il-limiti huma marbuta man-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs). Hekk kif l-għadd ta’ Membri tal-PE żdied minn 705 għal 720 fil-leġiżlatura l-ġdida, il-limiti żdiedu wkoll. Biex IĊE tiġi eżaminata mill-Kummissjoni Ewropea, din trid tiġbor mill-inqas miljun firma valida u tikseb dawn in-numri minimi ta’ firem validi f’mill-inqas seba’ pajjiżi tal-UE. 

Dawn in-numri minimi ġodda japplikaw għall-IĊE reġistrati mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju 2024 jew wara. In-numri minimi l-ġodda ma japplikawx għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej reġistrati qabel s-16 ta’ Lulju 2024 li għalihom għadhom japplikaw il-limiti preċedenti.

New initiative registered
  • 19/06/2024
Il-Kummissjoni tirreġistra żewġ inizjattivi ġodda taċ-ċittadini Ewropej

Fid-19 ta’ Ġunju l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tirreġistra żewġ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

L-inizjattiva Air-Quotas” (Kwoti tal-Ajru) tappella għal mekkaniżmu tal-kwoti tal-karbonju taċ-ċittadini f’kull pajjiż li għandu jħeġġeġ lin-negozji jiddekarbonizzaw permezz tad-domanda tal-konsumaturi. L-organizzaturi jqisu li jenħtieġ li dan ikopri x-xiri kollu ta’ oġġetti u servizzi, u li jibda mit-trasport bl-ajru. 

L-organizzaturi tal-inizjattiva Stop Destroying Videogames (Inwaqqfu l-Qerda tal-Logħob tal-Kompjuter) jappellaw għal rekwiżit għall-pubblikaturi ta’ logħob elettroniku fl-UE li jħallu dak il-logħob fi stat funzjonali (b’mod li jista’ jintlagħab), sabiex tiġi evitata d-diżattivazzjonii mill-bogħod tagħhom.

Dawn l-inizjattivi huma s-sitt u s-seba’ waħda rreġistrati fl-2024. L-organizzaturi issa għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. 

New initiative registered
  • 13/05/2024
Irreġistrata inizjattiva ġdida: “Insalvaw il-Pjaneta billi nċaqilqu t-tassazzjoni mix-xogħol għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra”

Fit-13 ta’ Mejju, il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Insalvaw il-Pjaneta billi nċaqilqu t-tassazzjoni mix-xogħol għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra”. Hi tistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%” u s-sistema tal-ipprezzar tal-karbonju tal-UE u għar-ridistribuzzjoni ta’ parti sostanzjali mid-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, issaħħaħ il-Fond Soċjali għall-Klima tal-UE u tippromwovi l-istabbiliment ta’ “Klabb għall-Klima” għall-pajjiżi li jixtiequ jadottaw ipprezzar tal-karbonju aktar robust.

Din hi l-ħames inizjattiva rreġistrata fl-2024. L-organizzaturi għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. 

New initiative registered
  • 10/04/2024
Ġiet irreġistrata inizjattiva ġdida li tappella għal appoġġ finanzjarju tal-UE dwar abort sikur u aċċessibbli

Fl-10 ta’ April, il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “My Voice, My Choice: For Safe And Accessible Abortion” (Il-Vuċi Tiegħi, L-Għażla Tiegħi: Għal Abort Sikur u Aċċessibbli). Din titlob lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal għal appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri sabiex jippermettu terminazzjoni sikura tat-tqala fl-Ewropa għal kull min m’għandux aċċess għal abort sikur u legali.

Din hija r-raba’ inizjattiva rreġistrata fl-2024. L-organizzaturi għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. 

Photo of the three winning teams
  • 22/03/2024
Il-Kummissjoni tagħżel ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni bil-video “ImagineEU”

Fil-21 ta’ Marzu 2024, ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni “ImagineEU” għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji ġew onorati waqt ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. It-tliet timijiet rebbieħa minn Franza, l-Italja u r-Rumanija jipparteċipaw fi żjara ta’ studju ta’ tlett ijiem fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-kompetizzjoni bil-video ImagineEU tibni fuq il-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u għandha l-għan li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini żgħażagħ biex ikollhom rwol attiv fl-influwenzar tal-politiki tal-UE. Hi stiednet studenti ta’ bejn is-16 u t-18-il sena mill-UE kollha biex joħolqu u jaqsmu videos qosra li jippreżentaw l-ideat tagħhom għal bidliet fil-livell Ewropew li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħhom. Ara l-videos rebbieħa.

Logo of Stop Finning EU
  • 12/03/2024
Segwitu għall-IĊE ta’ suċċess “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-Kummerċ”  

Fil-21 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sejħa għal evidenza u konsultazzjoni pubblika. Dawn għandhom l-għan li jfittxu fehmiet u għarfien espert dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ projbizzjoni potenzjali fuq il-bejgħ fl-UE u l-kummerċ internazzjonali tal-pinen tal-klieb il-baħar separati u l-ġbir ta’ feedback dwar l-għażliet ta’ politika potenzjali biex il-klieb il-baħar u l-ekosistemi tal-baħar relatati jiġu protetti aħjar. 

L-għan hu li jiġi żgurat l-aktar mod infurmat tajjeb, parteċipattiv u trasparenti biex tittieħed deċiżjoni dwar is-segwitu għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-Kummerċ”. 

 

Judicial updates-court cases
  • 22/02/2024
Sentenza finali tal-Qorti dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-IĊE “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (C-54/22 P)

Fit-22 ta’ Frar 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-54/22 P, ir-Rumanija vs il-Kummissjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2019 li tirreġistra parzjalment l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” ġiet ikkonfermata wara ċ-ċaħda tal-appell tar-Rumanija.    

 

Imagine EU video competition - 2 students, Commission building, info on the prize
  • 21/02/2024
Riżultati tal-kompetizzjoni tal-video għall-iskejjel ImagineEU

Il-kompetizzjoni bil-video ImagineEU, imnedija f’Ottubru 2023, stiednet liż-żgħażagħ Ewropej biex jaħsbu dwar ideat konkreti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini fl-UE kollha – b’mod simili għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.    

 Il-ġurija għażlet l-aħjar tliet videos, ippreżentati minn timijiet tal-iskola minn Franza, l-Italja u r-Rumanija. It-timijiet jingħataw vjaġġ ta’ studju fi Brussell f’Marzu.  

 

Fur Free Europe ECI logo
  • 09/02/2024
Laqgħa ta’ segwitu mar-rappreżentanti tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ta’ suċċess “Fur Free Europe”, mal-Kummissjoni Ewropea

Fid-9 ta’ Frar 2024 Stella Kyriakides, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, laqgħet rappreżentanti tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ta’ suċċess “Fur Free Europe”.

Fil-laqgħa, il-Kummissarju ppreżenta t-tweġiba tal-Kummissjoni għal din l-inizjattiva, adottata fis-7 ta’ Diċembru 2023, u wieġbet il-mistoqsijiet tal-organizzaturi. 

 

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?