
“Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ tagħhom” laħqet 1,119,996 dikjarazzjoni ta’ appoġġ ivvalidata u ġiet sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea għal eżami fil-11 ta’ Jannar 2023. Din hi t-tmien Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) ta’ suċċess.
L-inizjattiva tistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri legali biex jintemm il-kummerċ tal-pinen tal-klieb il-baħar fl-UE inklużi l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-pinen ħlief jekk ikunu mwaħħla b’mod naturali ma’ ġisem l-annimal.
Il-Kummissjoni se tiltaqa’ mal-organizzaturi biex tiddiskuti l-inizjattiva fid-dettall fil-ġimgħat li ġejjin. Imbagħad se jiġi organizzat smigħ pubbliku mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha sal-11 ta’ Lulju 2023 biex tippreżenta t-tweġiba uffiċjali tagħha, biex tiddeskrivi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu.