L-IĊE “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”, ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea, kienet suċċess.
“Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu“ saret is-seba’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) li rnexxiet. Hija laħqet 1,054,973 dikjarazzjoni ta’ appoġġ ivvalidata miċ-ċittadini tal-UE, b’livelli limitu milħuqa f’11-il pajjiż.
L-inizjattiva tappella lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri legali biex sal-2035 jitneħħew ftit ftit il-pestiċidi sintetiċi, ħalli titreġġa lura l-bijodiversità u jingħata appoġġ lill-bdiewa f’din it-tranżizzjoni.
Il-Kummissjoni se tiltaqa’ mal-organizzaturi biex tiddiskuti l-inizjattiva fid-dettall fil-ġimgħat li ġejjin. Imbagħad se jiġi organizzat smigħ pubbliku mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha sas-7 ta’ April 2023 biex tippreżenta t-tweġiba uffiċjali tagħha, biex tiddeskrivi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu.