Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Paġna Prinċipali

Ikseb vuċi akbar fir-rigward ta’ politiki li jaffettwawlek ħajtek. L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija mod uniku biex tgħinek issawwar l-UE billi tappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi liġijiet ġodda. Ladarba inizjattiva tkun laħqet miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni tieħu. Ara kif taħdem pass pass

Jekk tikkunsidra li tibda inizjattiva, ikkonsulta l- Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għal parir legali u prattiku.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Id-dritt tiegħek bħala ċittadin tal-UE

L-aħħar aħbarijiet

Logo of Fur Free Europe
  • 26/11/2024
Segwitu għall-IĊE ta’ suċċess “Fur Free Europe”

Minn meta l-Kummissjoni wieġbet għall-inizjattiva “Fur Free Europe” f’Diċembru 2023, hija kienet qed taħdem fuq diversi azzjonijiet ta’ akkumpanjament. Saru żjarat f’irziezet fejn jitrabbew l-annimali għall-fer fil-Finlandja u aktar reċentement fil-Polonja u fi Spanja biex jiġu esplorati l-kontrolli “Saħħa Waħda” li huma fis-seħħ. Ġie indirizzat stħarriġ dwar l-annimali għall-fer lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, biex jgħin fil-ġbir ta’ informazzjoni u data fattwali li se jikkontribwixxu għal valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll reviżjoni tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tessuti, inkluż workshop tal-partijiet ikkonċernati li sar f’Ottubru.  

 

Save Cruelty Free Cosmetics logo
  • 20/09/2024
Segwitu għall-IĊE li rnexxiet “Nippreżervaw il-Kożmetiċi li ma Jinvolvux Krudeltà - Nimpenjaw ruħna għal Ewropa Mingħajr l-Ittestjar fuq l-Annimali”

Fis-17 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sejħa għal evidenza dwar l-ittestjar fuq l-annimali fil-valutazzjonijiet tas-sikurezza kimika u l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni biex dan jitneħħa gradwalment.

L-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali bħal dan hu wieħed mill-impenji li għamlet il-Kummissjoni Ewropea bi tweġiba għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Nippreservaw il-Kożmetiċi li ma Jinvolvux Krudeltà – Nimpenjaw Ruħna għal Ewropa Mingħajr l-Ittestjar fuq l-Annimali”. Il-pjan direzzjonali għandu jinkludi stadji importanti u azzjonijiet speċifiċi biex ikompli jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali u fl-aħħar mill-aħħar it-tranżizzjoni lejn sistema regolatorja ħielsa mill-annimali skont biċċiet rilevanti ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

Is-sejħa għal evidenza għandha l-għan li tfittex għarfien espert dwar l-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali fil-valutazzjonijiet tas-sikurezza kimika u b’mod partikolari sottomissjonijiet li jissintetizzaw l-istat attwali tal-għarfien fl-oqsma rilevanti. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tkompli permezz ta’ sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma (f’Diċembru 2023, Ottubru 2024 u Mejju 2025).

New initiative registered
  • 11/09/2024
Il-Kummissjoni tirreġistra żewġ inizjattivi ġodda taċ-ċittadini Ewropej

Fl-24 ta’ Settembru l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tirreġistra żewġ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

L-għanijiet tal-“IĊE għal Ewropa Intelliġenti u Reżiljenti fl-Ilma” jinkludu: pjan ta’ azzjoni għall-ilma; elevazzjoni tar-reżiljenza tal-ilma għall-istess prijorità bħad-dekarbonizzazzjoni; bidla lejn industrija u agrikoltura effiċjenti fl-użu tal-ilma; l-iżgurar tal-ħiliet it-tajba għal ekonomija intelliġenti fl-użu tal-ilma u d-dritt għal ilma nadif u sikur u sanità.

L-organizzaturi tal-inizjattiva “PsychedeliCare” jappellaw lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kunsens espert dwar l-istandards tal-kura psikedelika u l-introduzzjoni ta’ terapiji psikedeliċi. L-inizjattiva tħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tagħti spinta lir-riċerka dwar l-applikazzjonijiet terapewtiċi tal-pingchedelics u l-iżvilupp ta’ networks ta’ riċerka.

Dawn l-inizjattivi huma l-għaxar u l-ħdax-il waħda reġistrati fl-2024. Issa, l-organizzaturi għandhom sitt xhur biex jiftħu l-ġbir tal-firem. 

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?