Sett ta’ għodod għall-iskejjel “Id-Demokrazija tal-UE fl-Azzjoni - Semma’ Leħnek bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej”
Xi jġiegħel liż-żgħażagħ jieħdu azzjoni dwar kwistjoni li tinteressahom ħafna? X’azzjonijiet jistgħu jieħdu bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea? X’inhu possibbli meta naħdmu flimkien – u bejn il-fruntieri – fuq kwistjonijiet li huma importanti?
Involvi lill-istudenti tiegħek bis-sett ta’ għodod il-ġdid għall-iskejjel “Id-Demokrazija tal-UE fl-Azzjoni - Semma’ Leħnek bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej”!
Biex isiru ċittadini attivi, iż-żgħażagħ jeħtieġ li jifhmu kif taħdem id-demokrazija u x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Is-sett ta’ għodod “Id-Demokrazija tal-UE fl-Azzjoni” jintroduċi lill-istudenti għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jħeġġiġhom jieħdu rwol attiv fi kwistjonijiet Ewropej. Hu mmirat lejn l-istudenti tal-iskola sekondarja fl-aħħar sentejn tal-iskola tagħhom.
Permezz ta’ istruzzjoni, riċerka, dibattitu, ħidma ta’ proġetti u logħob ta’ rwoli, l-istudenti se jitgħallmu kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, kif dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u, l-aktar importanti, kif l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermettilhom jingħaqdu ma’ oħrajn biex isawru l-politika tal-UE dwar kwistjonijiet li jinteressawhom.
“L-istudenti tiegħi sabu l-modulu verament interessanti. Il-kompiti qajmu l-kurżità tagħhom u ħadu pjaċir ħafna, speċjalment waqt li kienu qed jagħmlu video għall-IĊE tagħhom - taħlita tajba bejn l-edukazzjoni u d-divertiment (edudivertiment).” - Małgorzata, għalliema tal-iskola sekondarja mill-Polonja
Il-kors huwa adattat għall-klassijiet taċ-ċittadinanza jew tas-suġġett taċ-ċivika; tajjeb ukoll bħala parti minn kors ibbażat fuq proġett, klassi ta’ lingwa barranija, jew CLIL. Hu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
L-introduzzjoni tas-sett ta’ għodod
F’Mejju 2023 sar webinar biex jintroduċi s-sett ta’ għodod lill-edukaturi. Hawn taħt issib reġistrazzjoni tal-webinar u s-slides tal-powerpoint (bl-Ingliż biss).
Tista’ wkoll tisma’ l-episodju tal-podcast “CitizenCentral” “The ABCs of ‘EU Democracy in Action’ - presenting a European Citizens’ Initiative Toolkit” (bl-Ingliż biss).
Il-kompetizzjoni bil-video ImagineEU u r-rebbieħa tagħha
Il-kompetizzjoni ImagineEU ġiet organizzata fis-sena skolastika 2023/2024 biex takkumpanja t-tnedija tas-sett ta’ għodod edukattivi għall-iskejjel “Id-Demokrazija tal-UE fl-Azzjoni - Semma’ Leħnek bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej”.
Il-kompetizzjoni talbet liż-żgħażagħ Ewropej fl-aħħar sentejn tal-iskola sekondarja tagħhom biex jitgħallmu aktar dwar kif ikunu ċittadini attivi fl-UE. Huma ġew mistiedna jaħsbu dwar ideat konkreti li jistgħu jagħmlu lill-UE post saħansitra aħjar fejn wieħed jgħix u li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea – abbażi għall-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), għodda importanti ta’ demokrazija parteċipattiva fl-UE li tippermetti liċ-ċittadini jiħedu sehem attiv fit-tfassil tal-politika tal-UE.
Fi gruppi ta’ mhux aktar minn 7 sħab tal-klassi, l-istudenti ntalbu jippreżentaw l-ideat kreattivi tagħhom f’video qasir. Ġew ippreżentati aktar minn 400 video. Ġew ippubblikati 388 video li kkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni għall-votazzjoni pubblika.
Fl-istadju finali, ġurija vvalutat il-50 video li ġabu l-aktar voti biex tiddetermina t-tliet timijiet rebbieħa.
Premju
It-tliet timijiet rebbieħa ngħataw vjaġġ ta’ studju fi Brussell, il-qalba tal-Unjoni Ewropea, mill-21 sat-23 ta’ Marzu 2024.
Matul il-vjaġġ, it-timijiet kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej biex jitgħallmu aktar dwar kif isiru l-politiki u l-liġijiet tal-UE u kif iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jinvolvu ruħhom fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.
Aqra l-aħbarijiet tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2024 (bil-Franċiż).
Kriterji tal-għoti
Il-50 video bl-ogħla numru ta’ voti mill-votazzjoni pubblika ġew evalwati minn ġurija magħmula minn rappreżentanti tal-komunità tal-IĊE mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll trainees żgħażagħ mill-Kummissjoni Ewropea. Il-ġurija kkunsidrat il-kriterji li ġejjin:
- Rilevanza għall-IĊE (0-25 punti): L-idea fil-video hi rilevanti bħala suġġett għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?
- Ċarezza (0-50 punti): Il-messaġġ hu ċar u konċiż biżżejjed?
- Kreattività (0-25 punti): L-idea hi oriġinali? It-tim jindirizza l-idea b’mod interessanti?
Il-kompetizzjoni ġiet organizzata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, SG.A.1 - Unità għall-Prijoritajiet tal-Politika u l-Programm ta’ Ħidma.