Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Politika ta’ privatezza dwar id-<em>data</em> personali tal-firmatarji miġbura bl-użu tas-sistema ċentrali ta’ ġbir online

Operazzjoni ta’ pproċessar: ipproċessar tad-data tal-firmatarji miġbura bħala parti mid-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ permezz tas-Sistema Ċentrali ta’ Ġbir Online tal-Kummissjoni

Kontrollur tad-Data: kontroll konġunt bejn, fuq naħa, il-Kummissjoni Ewropea (Unità Kontrollur Operazzjonali tad-Data SG.A.1 “Prijoritajiet tal-Politika u Programm ta’ Ħidma”) u, min-naħa l-oħra, ir-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva jew, fejn xieraq, l-entità legali maħluqa minnu

Referenza tar-rekord: DPR-EC-03486

1. Introduzzjoni

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (hawnhekk ukoll “IĊE”) hija strument tad-demokrazija parteċipattiva li jippermetti liċ-ċittadini jissuġġerixxu bidliet legali konkreti fi kwalunkwe qasam fejn il-Kummissjoni Ewropea (hawnhekk ukoll il-“Kummissjoni”) għandha s-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni. Il-qafas legali applikabbli għal dan l-istrument hu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (hawnhekk ukoll ir-“Regolament dwar l-IĊE”).

Biex tappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini jeħtieġ li tipprovdi serje ta’ data personali bħala parti minn dikjarazzjoni ta’ appoġġ għall-inizjattiva. Il-grupp ta’ organizzaturi tal-IĊE jeħtieġ li jiġbor mill-anqas miljun minn dawn id-Dikjarazzjonijiet ta’ Appoġġ (hawnhekk ukoll “SoS” ) miċ-ċittadini tal-UE, b’limiti minimi speċifiċi li jintlaħqu f’tal-anqas 7 pajjiżi, u dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu vvalidati u ċċertifikati mill-Istati Membri, sabiex iressqu l-inizjattiva lill-Kummissjoni bħala waħda valida.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali tiegħek miġbura bħala parti mid-dikjarazzjoni ta’ appoġġ fir-rigward ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej permezz tas-Sistema Ċentrali ta’ Ġbir Online (hawnhekk is-“COCS”), stabbilita u operata mill-Kummissjoni.

L-operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq id-data tiegħek jitwettqu taħt il-kontroll konġunt, fuq naħa waħda, tal-Kummissjoni, u fuq in-naħa l-oħra, tar-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva kkonċernata jew, fejn xieraq, l-entità legali maħluqa minn grupp bħal dan (hawnhekk ukoll “organizzaturi ta’ inizjattiva”). Barra minn hekk, f’każ li d-data tiegħek ipprovduta f’dikjarazzjoni ta’ appoġġ tkun ġiet sottomessa għal verifika u ċertifikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru responsabbli, dawn l-awtoritajiet isiru kontrolluri tad-data fir-rigward tal-ipproċessar li jwettqu.

Ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-organizzaturi huma stabbiliti b’mod trasparenti fi ftehim ta’ kontroll konġunt. L-elementi essenzjali ta’ dan il-ftehim ta’ kontroll konġunt huma disponibbli pubblikament taħt: https://citizens-initiative.europa.eu/how-it-works/data-protection_en

Il-Kummissjoni hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa aktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Bl-istess mod, l-organizzaturi tal-inizjattiva u l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma soġġetti għar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif dik l-informazzjoni tintuża, u liema drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrolluri tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita drittijietek, tal-Uffiċjal(i) tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tibni fuq u tissupplimenta t-test tal-istqarrija ta’ privatezza stabbilit fl-Anness III tar-Regolament dwar l-IĊE li hu parti integrali minnu (ara l-Intestatura 10 hawn taħt).

NB. Din l-istqarrija ta’ privatezza ma tkoprix l-ipproċessar tad-data personali tiegħek ipprovduta f’dikjarazzjoni ta’ appoġġ fuq karta. Il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tiegħek (sa meta jsir it-trasferiment tagħha lill-Istati Membri għal verifika) jitwettqu f’dan il-każ taħt il-kontroll esklużiv tad-data tar-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi. Dan il-kontrollur tad-data hu mbagħad inkarigat li jipprovdilek, fil-ħin tal-ġbir tad-data tiegħek, l-istqarrija ta’ privatezza rilevanti li għandha tinkludi tal-anqas l-elementi sostanzjali tal-istqarrija ta’ privatezza standard stabbilita fl-Anness III tar-Regolament dwar l-IĊE. F’każ li t-trasferiment sussegwenti ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura lill-Istati Membri għall-verifika jiġi operat mill-Kummissjoni bl-użu tas-servizz ta’ skambju ta’ files tagħha taħt kontroll konġunt tad-data mar-Rappreżentant, il-Kummissjoni ma jkollha ebda aċċess għad-data tiegħek u ma tkunx f’pożizzjoni li tipprovdilek stqarrija ta’ privatezza addizzjonali. Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi biss informazzjoni rilevanti rigward il-limiti ta’ żmien taż-żamma tad-data applikabbli f’każ bħal dan.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan ġenerali tal-ipproċessar tad-data tiegħek skont ir-Regolament dwar l-IĊE hu li jiġi implimentat ir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u b’hekk iċ-ċittadini tal-UE jitħallew jeżerċitaw id-dritt mogħti fl-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex javviċinaw lill-Kummissjoni direttament bit-talba li tistieden biex titressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

Id-data tiegħek tista’ tkun soġġetta għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar ewlenin li ġejjin:

  • Il-ġbir tad-dikjarazzjoni ta’ appoġġ tiegħek, bl-użu tal-formola online jew l-eID, u l-ħażna sussegwenti tagħha fis-COCS,
  • Is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ appoġġ tiegħek lill-Istati Membri għall-verifika,
  • Il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Appoġġ tiegħek mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħek (din l-operazzjoni ta’ pproċessar titwettaq taħt il-kontroll tal-awtorità tal-Istat Membru kompetenti).

Għalhekk, tista’ ssir distinzjoni bejn il-finijiet li ġejjin:

  • Biex tkun tista’ tappoġġja l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej online,
  • Biex tiżgura trasferiment sigur tad-dikjarazzjoni ta’ appoġġ tiegħek lill-Istat Membru kompetenti għall-verifika,
  • Biex tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru (kontrolluri tad-data għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar) jivverifikaw id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ tiegħek, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonferma l-validità ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li inti appoġġjajt, meta tiġi sottomessa għal eżami.

Barra minn hekk, id-data tiegħek tista’ tiġi pproċessata fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ appoġġ, bħall-immaniġġjar ta’ talbiet tas-suġġetti tad-data, it-teħid ta’ kampjuni ta’ kontrolli tal-kwalità teknika, l-operazzjonijiet meħtieġa fid-dawl tal-manutenzjoni tas-sistema tal-IT u kwalunkwe operazzjoni bħal din li tista’ tiġi preskritta mil-liġi.

Id-data personali pproċessata tista’ terġa’ tintuża għall-finijiet ta’ proċeduri quddiem il-Qrati tal-UE, il-qrati nazzjonali, l-Ombudsman Ewropew jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data tiegħek ipprovduta bħala parti minn dikjarazzjoni ta’ appoġġ sabiex tkun tista’ tesprimi l-appoġġ tiegħek għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. L-ipproċessar tad-data tiegħek iservi biex javvanza l-kawża ta’ inizjattiva konkreta, sabiex fl-aħħar mill-aħħar iressaq il-kwistjonijiet espressi fihom għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għalhekk ittejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni, l-ipproċessar iservi l-interess pubbliku f’konformità mal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 (u l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR).

Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, ir-Regolament dwar l-IĊE jipprevedi obbligu legali fl-Artikolu 10 li jiġu stabbiliti u operati s-COCS biex jippermettu l-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ online u fl-Artikolu 12(3) l-obbligu li jiġu sottomessi għall-verifika d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġburin permezz tas-COCS lill-Istati Membri, f’każ li jkun intlaħaq l-għadd meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ (ara wkoll l-Artikolu 12(2)). Għaldaqstant, billi tippermetti l-ipproċessar imwettaq permezz tas-COCS (inkluż it-trasferiment), il-Kummissjoni tissodisfa obbligu legali u għalhekk l-ipproċessar ikun ukoll legali abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (u l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR).

Id-data li tipprovdi bħala parti minn dikjarazzjoni ta’ appoġġ ma tikkwalifikax bħala data sensittiva li l-ipproċessar tagħha hu fil-prinċipju pprojbit mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR). Madankollu, l-interkonnessjoni bejn id-data tiegħek u l-inizjattiva appoġġjata tista’ tiżvela informazzjoni dwar saħħtek, il-konvinzjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi u t-twemmin, l-affiljazzjonijiet politiċi, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika jew anke sħubija fi trade union skont is-suġġett ta’ kull inizjattiva. Konsegwentement, is-sensittività tad-data tiegħek tista’ toriġina mis-sensittività tas-suġġett tal-inizjattiva kkonċernata.

Skont l-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (u l-Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR), għalkemm id-data tiegħek tista’ tiġi kkwalifikata bħala kategorija speċjali ta’ data, l-ipproċessar tagħha għadu permess għar-raġuni li ġejja: “l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni (...) li jkun proporzjonat mal-għan segwit, jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data”.

F’dan ir-rigward, il-Premessa (12) tar-Regolament dwar l-IĊE tiċċara li: “Filwaqt li data personali pproċessata skont dan ir-Regolament tista' tinkludi data sensittiva, minħabba n-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva, huwa ġġustifikat li jkun meħtieġ l-għoti ta' data personali li tappoġġa inizjattiva u l-ipproċessar ta' tali data sa fejn huwa meħtieġ sabiex ikun permess li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ikunu verifikati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali”.

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw iktar?

Għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-appoġġ tiegħek għal inizjattiva taċ-ċittadini niġbru settijiet differenti possibbli ta’ data, skont il-mod ta’ appoġġ li għażilt u n-nazzjonalità tiegħek.

Jekk timla l-formola ta’ dikjarazzjoni ta’ appoġġ online, wieħed miż-żewġ settijiet ta’ data possibbli jinġabar kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament dwar l-IĊE:

Sett A:

  • nazzjonalità,
  • ismijiet sħaħ,
  • kunjomijiet,
  • residenza (triq, numru, kodiċi postali, belt, pajjiż),
  • data tat-twelid.

Sett B:

  • nazzjonalità,
  • ismijiet sħaħ,
  • kunjomijiet,
  • numru ta' identifikazzjoni personali/numru tad-dokument ta' identifikazzjoni personali,
  • tip ta’ numru ta’ identifikazzjoni personali jew dokument.

Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-IĊE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk iridux jużaw settijiet ta’ data A jew B. Fl-1 ta’ Jannar 2020 (il-ħin tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-IĊE) is-Sett A ntgħażel minn 9 Stati Membri (DE, DK, EL, FI, FR, IE, LU, NL, SK), filwaqt li s-Sett B intgħażel minn 18-il Stat Membru (AT, BE, BG, CY, CZ, ET, ES, HR, HU, IT, MT, LT, LV, PL, PT, RO, SE u SI).

L-Istati Membri jistgħu jibdlu din l-għażla fil-futur, mingħajr ma tkun riflessa f’din l-istqarrija ta’ privatezza.

Jekk tappoġġja IĊE billi tuża l-eID tiegħek, id-data personali tiegħek tiġi importata mis-sistema nazzjonali tal-identifikazzjoni elettronika wara l-awtentikazzjoni li int twettaq. Id-data kkonċernata hi ddefinita skont ir-Regolament eIDAS (Regolament (UE) Nru 910/2014), kif ġej:

  • kunjom(ijiet) kurrenti,
  • isem(ijiet) kurrenti,
  • data tat-twelid,
  • identifikatur uniku.

Barra minn hekk, f’każ bħal dan tinġabar id-data tan-nazzjonalità, abbażi tal-għażla tiegħek tas-sistema nazzjonali ta’ eID rilevanti fejn tawtentika lilek innifsek.

Barra minn hekk, sabiex ikun jista’ jsir l-ipproċessar effiċjenti, aħna niġbru xi (meta)data li tirrigwarda t-trażmissjoni/is-sotomissjoni elettronika tal-SoS, b’mod partikolari l-indirizz tal-IP tiegħek, id-data ta’ konnessjoni, il-ħin meta ddaħħlet elettronikament il-formola fis-COCS. Din il-(meta)data tinżamm għal mhux aktar minn sitt xhur. Barra minn hekk, jiġi ġġenerat awtomatikament identifikatur uniku tad-dikjarazzjoni ta’ appoġġ għal kull SoS sottomess. L-identifikatur jinqered fi tmiem il-perjodu tal-ġbir. Jekk is-suġġett tad-data jkun ipprovda wkoll indirizz tal-email, l-identifikatur jinqered fi tmiem il-perjodu taż-żamma tal-indirizz tal-email.

5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?

Il-perjodu ta’ żamma standard hu ta’ 21 xahar mill-bidu tal-perjodu ta’ ġbir.

Il-perjodu ta’ żamma standard jitqassar fil-każijiet li ġejjin:

  • jiskadi xahar wara s-sottomissjoni tal-Inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-IĊE, u
  • jiskadi xahar wara l-irtirar, jekk l-Inizjattiva tiġi rtirata wara l-bidu tal-perjodu ta’ ġbir, imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-IĊE

Il-perjodu ta’ żamma standard jiġi estiż jekk ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi relatati mal-inizjattiva kkonċernata. F’każ bħal dan, id-data għandha tinqered mhux aktar tard minn xahar wara d-data tal-għeluq ta’ dawn il-proċedimenti b’deċiżjoni finali.

Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-perjodi standard għaż-żamma tad-data stabbiliti fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament dwar l-IĊE huma estiżi għal inizjattivi li l-perjodu tal-ġbir tad-data tagħhom ġie estiż abbażi tar-Regolament (UE) 2020/1042 - perjodu massimu ta’ estensjonijiet huwa ta’ 12-il xahar.

Il-perjodi taż-żamma tad-data deskritti hawn fuq japplikaw ukoll:

  • għall-ħżin fis-servizz tal-iskambju tal-files tal-Kummissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġburin f’forma stampata applowdjati hemmhekk mill-organizzaturi tal-IĊE fid-dawl tat-trasferiment tagħhom lill-Istati Membri għall-verifika, u
  • għall-Istati Membri f’każ li jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġburin.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha tinħażen f’format elettroniku fuq is-servers tal-Kummissjoni. L-operazzjonijiet ta' pproċessar kollha jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta’ data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

Il-membri tal-istaff tal-Kummissjoni biss, li huma awtorizzati speċifikament abbażi tal-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”, għandhom aċċess għad-data tiegħek, meta maħżuna fis-COCS. Dawn il-membri tal-istaff jirrispettaw ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

F’każ li jkun inġabar l-għadd meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fir-rigward tal-inizjattiva kkonċernata, il-Kummissjoni (fuq talba tal-organizzaturi) tissottomettihom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 12(2) u 12(3) tar-Regolament IĊE.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Int għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (u Kapitolu III tal-GDPR), b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. F’ċerti każijiet, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħek u li toġġezzjona għall-ipproċessar.

Sa fejn huwa kkonċernat id-dritt tiegħek li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt irid jkun ibbażat fuq raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data Operazzjonali, jew (b’mod partikolari f’każ ta’ kunflitt) lill-Uffiċjal(i) tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

Kull talba għal aċċess għal data personali tiġi ttrattata fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Kwalunkwe talba oħra li taqa’ taħt l-Artikoli 18-25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (u l-Kapitolu III tal-GDPR) se tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum ta’ xogħol. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn meħtieġ, skont il-kumplessità u n-numru ta’ talbiet.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

Il-Kontrolluri tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 u l-GDPR, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja wieħed mill-Kontrolluri tad-Data konġunti.

- Fir-rigward tal-Kummissjoni, jekk jogħġbok uża l-informazzjoni ta’ kuntatt li ġejja tal-Kontrollur tad-Data Operazzjonali:

Il-Kummissjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Id-Direttorat A “Strateġija, Regolamentazzjoni Aħjar u Governanza Korporattiva”

Unità A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”

B – 1049 Brussell

Tel. +32 2 29 92165

Email: SG-ECI-mailing@ec.europa.eu

- Fir-rigward tar-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi, jew, fejn xieraq, l-entità legali maħluqa minn grupp bħal dan, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jinsabu fir-Reġistru tal-IĊE online kif ukoll fis-COCS, fuq il-paġni web speċifikament iddedikati għall-inizjattiva kkonċernata. Ara: https://citizens-initiative.europa.eu/find-initiative_en.

F’każ li d-data tiegħek ipprovduta f’dikjarazzjoni ta’ appoġġ tkun ġiet sottomessa għal verifika u ċertifikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru responsabbli, dawn l-awtoritajiet isiru kontrolluri tad-data fir-rigward tal-ipproċessar li jwettqu. Tista’ tindirizza l-kummenti, il-mistoqsijiet jew it-talbiet tiegħek dwar l-ipproċessar tad-data tiegħek billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt li jistgħu jiġu kkonsultati fuq: https://citizens-initiative.europa.eu/how-it-works/data-protection_en.

L-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data (UPD)

- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek.

- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-grupp ta’ organizzaturi (jekk hemm).

F’każ li l-grupp ta’ organizzaturi ħatar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, tista’ tikkuntattja wkoll lil Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data bħal dan billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt li jistgħu jiġu kkonsultati fir-Reġistru tal-IĊE online kif ukoll fis-COCS, fil-paġni web speċifikament iddedikati għall-inizjattiva kkonċernata. Ara: https://citizens-initiative.europa.eu/find-initiative_en.

L-awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data

- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Għandek id-dritt tressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

- L-awtoritajiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data

Għandek ukoll id-dritt tressaq ilment quddiem awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħek, il-post tax-xogħol jew il-post tal-ksur allegat jekk tqis li d-data tiegħek tiġi pproċessata b’mod illegali. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu kkonsultati hawn. https://citizens-initiative.europa.eu/how-it-works/data-protection_en.

10. Imnejn tikseb aktar informazzjoni?

Ir-Regolament dwar l-IĊE jistabbilixxi fl-Anness III tiegħu l-elementi ewlenin tal-istqarrija ta’ privatezza għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġburin online permezz tas-Sistema Ċentrali ta’ Ġbir Online kif ġej:

“Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), id-data personali tiegħek ipprovduta f'din il-formola se tintuża biss għall-appoġġ tal-inizjattiva u se tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-fini ta’ verifika u ċertifikazzjoni. Inti għandek id-dritt li titlob mill-Kummissjoni Ewropea u mir-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva jew, fejn adatt, l-entità ġuridika maħluqa minnu, l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Id-data tiegħek se tinħażen mill-Kummissjoni Ewropea għal perjodu massimu ta’ żamma ta’ xahar wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni Ewropea jew 21 xahar wara l-bidu tal-perjodu ta’ ġbir, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. Hija tkun tista’ tinżamm lil hinn minn dawn il-limiti ta’ żmien fil-każ ta' proċedimenti amministrattivi jew legali, għal mhux aktar minn xahar wara d-data tal-għeluq ta’ dawn il-proċedimenti. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, għandek id-dritt li tressaq fi kwalunkwe ħin ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew quddiem awtorità tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fl-Istat Membru ta’ residenza abitwali tiegħek, il-post tax-xogħol jew il-post tal-ksur allegat, jekk taħseb li d-data tiegħek tkun ipproċessata illegalment. Il-Kummissjoni Ewropea u r-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva jew, fejn adatt, l-entità ġuridika maħluqa minnu, huma kontrolluri konġunti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u jistgħu jiġu kkuntattjati bl-użu tad-dettalji pprovduti f'din il-formola. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-grupp ta’ organizzaturi (jekk ikun hemm) huma disponibbli fl-indirizz web ta’ din l-inizjattiva fir-reġistru tal-Kummissjoni Ewropea, kif previst fil-punt 4 ta' din il-formola. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni Ewropea, tal-awtorità nazzjonali li se tirċievi u tipproċessa d-data personali tiegħek, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu kkonsultati fuq: http://ec.citizens-initiative.europa.eu/public/data-protection".

L-uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġlew dokumentati u nnotifikati lill-UPD. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-03486.

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?