Mur lura għall-paġna ewlenija tal-Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-organizzaturi
Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data - Mistoqsija 12
X’inhi r-responsabbiltà tiegħek bħala kontrollur tad-data?
Japplika għax-Xenarju tal-każ 2, ħlief fir-rigward tal-użu tas-servizz ta’ skambju ta’ files tal-Kummissjoni
Bħala rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi, jista’ jkollok tikkumpensa lill-firmatarji f’każ li jsofru xi danni materjali (jiġifieri, spejjeż diretti) jew mhux materjali (jiġifieri, reputazzjoni, immaġni), ikkawżati mill-ipproċessar u li jirriżultaw fi ksur tal-GDPR.
Eżempji:
- F’każ li tiżvela (int u taġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza) li s-Sur Smith, impjegat u manager fl-industrija tal-kimika, jappoġġja inizjattivi li jipprojbixxu l-użu tal-pestiċidi prodotti minn min iħaddmu: dan jista’ jiġġenera danni materjali bħal telf ta’ impjieg u ħsarat mhux materjali bħal telf ta’ reputazzjoni jew opportunitajiet ta’ xogħol
- F’każ li tagħmel disponibbli d-data miġbura lill-grupp ta’ organizzaturi ta’ inizjattiva oħra jew lil xi organizzazzjoni li se tużaha għall-analiżi politika, it-tfassil ta’ profili jew il-lobbying: dan jista’ jiġġenera danni mhux materjali.
Din ir-responsabbiltà testendi għal proċessur tad-data għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar meta dan il-proċessur tad-data ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tal-GDPR speċifikament diretti lejn il-proċessuri jew meta jkun aġixxa barra jew kontra l-istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.
Kemm inti stess kif ukoll il-proċessur tad-data se tkunu eżentati mir-responsabbiltà għall-ħsara kkawżata mill-ipproċessar, jekk tista’ turi li m’inti b’ebda mod responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.
Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħek bħala rappreżentant, il-membri tal-grupp ta’ organizzaturi jkunu responsabbli b’mod konġunt għal kwalunkwe dannu kkawżat fl-organizzazzjoni ta’ inizjattiva minn atti illegali mwettqa intenzjonalment jew b’negliġenza serja, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.
F’każ li tinħoloq entità ġuridika biex timmaniġġja l-inizjattiva, ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita lill-entità ġuridika, flimkien mal-funzjoni ta’ kontrollur tad-data.
JEKK JOGĦĠBOK INNOTA:
Skont ix-Xenarju tal-Każ 1 ir-responsabbiltà tiegħek titnaqqas materjalment peress li r-responsabbiltajiet ewlenin fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-firmatarji jiġu ttrasferiti lill-Kummissjoni
Referenzi:
- L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej
- Il-Kapitolu VIII tal-GDPR