Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

L-aħħar aħbarijiet

Initiative reaches 1m
  • 12/01/2023
Segwitu għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess “Dritt għall-Ilma”

Mil-lum, l-Ewropej jistgħu jkunu fiduċjużi li l-kwalità tal-ilma li jixorbu tissodisfa l-ogħla standards, peress li rekwiżiti ġodda mid-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb qed isiru n-norma fl-UE kollha. Din ir-reviżjoni wieġbet għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess, “Right2Water”, li ġabret 1.6 miljun firma b’appoġġ għat-titjib tal-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur għall-Ewropej kollha.

New initiative registered
  • 12/01/2023
Irreġistrata inizjattiva ġdida: “Artikolu 4: Daqshekk tortura u trattament inuman fil-fruntieri tal-Ewropa"

Fit-12 ta’ Jannar 2023 il-Kummissjoni rreġistrat l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Artikolu 4: Daqshekk tortura u trattament inuman fil-fruntieri tal-Ewropa”.

Hi tappella għal qafas biex tiġi żgurata l-konformità mal-projbizzjoni tal-vjolenza u t-trattamenti inumani u degradanti minquxa fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni.

Din hi l-ewwel inizjattiva reġistrata fl-2023. L-organizzaturi tagħha issa għandhom sitt xhur biex jagħżlu meta jibdew il-ġbir tal-appoġġ.

Initiative submitted to the EC
  • 11/01/2023
L-IĊE ta’ suċċess “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ tagħhom” ġiet sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea għal eżami

“Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ tagħhom” laħqet 1,119,996 dikjarazzjoni ta’ appoġġ ivvalidata u ġiet sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea għal eżami fil-11 ta’ Jannar 2023. Din hi t-tmien Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) ta’ suċċess.

L-inizjattiva tistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri legali biex jintemm il-kummerċ tal-pinen tal-klieb il-baħar fl-UE inklużi l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-pinen ħlief jekk ikunu mwaħħla b’mod naturali ma’ ġisem l-annimal.

Il-Kummissjoni se tiltaqa’ mal-organizzaturi biex tiddiskuti l-inizjattiva fid-dettall fil-ġimgħat li ġejjin. Imbagħad se jiġi organizzat smigħ pubbliku mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha sal-11 ta’ Lulju 2023 biex tippreżenta t-tweġiba uffiċjali tagħha, biex tiddeskrivi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu.

Flag of Germany
  • 03/01/2023
Iċ-ċittadini Ġermaniżi issa jistgħu jappoġġjaw Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej minn 16-il sena

Bis-saħħa ta’ emenda fid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, mill-1 ta’ Jannar 2023, iċ-ċittadini Ġermaniżi jistgħu jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej minn 16-il sena.

Il-Ġermanja hi s-sitt pajjiż li baxxa l-età għall-appoġġ tal-IĊE taħt it-18-il sena.

Podcast
  • 19/12/2022
Isma’ l-episodju l-ġdid tal-podcast CitizenCentral!

Issa disponibbli:  l-episodju l-ġdid tal-podcast CitizenCentral, li jinkludi organizzaturi ta’ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej, esperti u kelliema oħra.

Fil-kapitlu 3, ingħaqad magħna f’konverżazzjoni ma’ tliet organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, min-Netherlands, Franza u d-Danimarka, li ppreżentaw l-inizjattivi “Good Clothes, Fair Pay”, “Win it on the Pitch” u “Stop 5G – Stay Connected but Protected”.

Isma’ u skopri CitizenCentral (bl-Ingliż biss) fuq Apple PodcastsSpotifyGoogle Podcasts u SoundCloud.
 

Meeting with EC
  • 25/11/2022
Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ lill-organizzaturi tal-inizjattiva “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa!”

Fil-25 ta’ Novembru, l-organizzaturi tal-inizjattiva “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu” iltaqgħu mal-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová u mal-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Stella Kyriakides, biex jippreżentaw l-ideat tagħhom aktar fil-fond. 

New initiative registered
  • 22/11/2022
Irreġistrata inizjattiva ġdida: “Jum Ewropew ta’ ‘Whatever it Takes’”

Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titlu Jum Ewropew ta’ ‘Whatever it Takes’”.

Din tappella għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-Jum Ewropew ta’ “Whatever it Takes” b’referenza għad-dikjarazzjoni mill-eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi fis-26 ta’ Lulju 2012, bħala att simboliku ta’ pan-Ewropeaniżmu.

Din hi l-għaxar inizjattiva rreġistrata fl-2022. L-organizzaturi tagħha issa għandhom sitt xhur biex jagħżlu meta jibdew il-ġbir tal-appoġġ.

Judicial updates-court cases
  • 09/11/2022
Sentenza tal-Qorti dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bi tweġiba għall-IĊE “Minority SafePack” (Kawża T-158/21)

Fid-9 ta’ Novembru, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat li ebda leġiżlazzjoni oħra ma kienet meħtieġa f’dak l-istadju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-IĊE “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”. Hi ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti (il-grupp ta’ organizzaturi tal-IĊE) intiż għall-annullament ta’ din il-komunikazzjoni.

Il-Qorti tqis li l-azzjonijiet diġà meħudin mill-Unjoni Ewropea sabiex tenfasizza l-importanza tal-lingwi reġjonali jew minoritarji u sabiex tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika hi biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-inizjattiva.

Il-Qorti ssib li l-Kummissjoni osservat l-obbligi ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-komunikazzjoni kkontestata. Hi kkonfermat ukoll li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżami tal-proposti ta’ din l-IĊE.

Logo VeganMeal
  • 18/10/2022
Irreġistrata inizjattiva ġdida: “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar ikel vegan”

Fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni rreġistrat inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar ikel vegan”.

Din tappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta ta’ liġi li tirrikjedi li l-alternattiva vegana ssir dejjem preżenti fl-ispazji privati u pubbliċi li jbigħu l-ikel u x-xorb fl-Ewropa.

Din hi l-95 inizjattiva reġistrata mill-2012. L-organizzaturi tagħha issa għandhom sitt xhur biex jagħżlu meta jibdew il-ġbir tal-appoġġ.

Initiative submitted to the EC
  • 10/10/2022
L-IĊE “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”, ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea, kienet suċċess.

“Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu“ saret is-seba’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) li rnexxiet. Hija laħqet 1,054,973 dikjarazzjoni ta’ appoġġ ivvalidata miċ-ċittadini tal-UE, b’livelli limitu milħuqa f’11-il pajjiż.

L-inizjattiva tappella lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri legali biex sal-2035 jitneħħew ftit ftit il-pestiċidi sintetiċi, ħalli titreġġa lura l-bijodiversità u jingħata appoġġ lill-bdiewa f’din it-tranżizzjoni.

Il-Kummissjoni se tiltaqa’ mal-organizzaturi biex tiddiskuti l-inizjattiva fid-dettall fil-ġimgħat li ġejjin. Imbagħad se jiġi organizzat smigħ pubbliku mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha sas-7 ta’ April 2023 biex tippreżenta t-tweġiba uffiċjali tagħha, biex tiddeskrivi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu.

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?