Operazzjoni ta’ proċessar: Implimentazzjoni tar-“Regolament tal-IĊE” u d-dispożizzjoni ta’ reġistru tal-inizjattivi taċ-ċittadini
Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea
Kontrollur tad-Data Operazzjonali: Unità SG.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”
Referenza tar-rekord: DPR-EC-00068
1. Introduzzjoni
Din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tispjega għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, u kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data Operazzjonali responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa iktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-operazzjoni tal-ipproċessar “Implimentazzjoni tar-“Regolament tal-IĊE” u l-provvediment ta’ reġistru tal-inizjattivi taċ-ċittadini” imwettqa mill-Unità SG.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma” tal-Kummissjoni Ewropea.
2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
Niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek biex nimplimentaw ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament tal-IĊE”).
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona u ilha tapplika minn April 2012, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 li implimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dan l-ewwel Regolament tal-IĊE ġie sostitwit mill-1 ta’ Jannar 2020 bir-Regolament (UE) 2019/788.
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi att legali f’oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan.
Ir-Regolament tal-IĊE jipprovdi li l-inizjattivi taċ-ċittadini proposti għandhom ikunu reġistrati u magħmulin pubbliċi mill-Kummissjoni.
F’dan il-kuntest niġbru u nipproċessaw id-data personali tiegħek, bħala l-Organizzatur tal-IĊE, b’mod partikolari sabiex nivvalutaw jekk inti tissodisfax ir-rekwiżiti biex tkun organizzatur ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (membru obbligatorju jew addizzjonali tal-grupp ta’ organizzaturi, persuna ta’ kuntatt addizzjonali tiegħu), jekk l-entità ġuridika li għandek rabta magħha ġietx stabbilita skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-IĊE, u biex tippermetti lill-Kummissjoni u liċ-ċittadini jikkomunikaw miegħek bħala l-organizzatur tal-inizjattiva.
Barra minn hekk, ir-Regolament tal-IĊE jinkariga wkoll lill-Kummissjoni b’xi obbligi speċifiċi fir-rigward tat-trasparenza tal-finanzjament ta’ inizjattivi. Fil-każijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament dwar l-IĊE, il-Kummissjoni tista’ tintalab tipproċessa d-data personali tiegħek bħala sponsor tal-inizjattiva jew ilmentatur fil-parti mhux pubblika tar-Reġistru tal-IĊE. L-ipproċessar tad-data u tad-dokumenti tal-organizzaturi, tal-isponsors u tal-ilmentaturi hu obbligatorju biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti statutorji tar-Regolament tal-IĊE. Madanakollu, il-Kummissjoni mhix se tippubblika, bħala prinċipju, kwalunkwe data personali marbuta ma’ individiwu li jaġixxi bħala sponsor f’kapaċità personali fuq is-sit web tal-IĊE ħlief fuq talba espressa mill-organizzaturi u l-preżentazzjoni minnhom tal-evidenza tal-kunsens espliċitu ta’ dak l-individwu għall-pubblikazzjoni.
L-ipproċessar ta’ data personali tal-uffiċjali (punti ta’ kuntatt) mill-awtoritajiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IĊE, jiġifieri dawk responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi individwali ta’ ġbir online, għall-koordinazzjoni tal-proċess ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u għall-għoti taċ-ċertifikati rilevanti u l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-IĊE, huwa meħtieġ biex jippermetti kollaborazzjoni ma’ dawn l-amministrazzjonijiet biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament dwar l-IĊE fil-livell nazzjonali u l-kontribut tagħhom permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-IĊE u l-Kumitat tal-Komitoloġija tal-IĊE. L-indirizzi tal-email ta’ uffiċjali nazzjonali identifikabbli jistgħu jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-IĊE, biss f’każ li l-Istati Membri kkonċernati jagħżlu li jipprovdu tali indirizzi tal-email, bħala parti mid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet rilevanti tagħhom.
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-obbligi tal-Kummissjoni li tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-eżistenza, l-objettivi u l-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u kampanji ta’ informazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-IĊE, il-kontrollur operazzjonali jista’ javviċina lill-organizzaturi tal-IĊE biex jistedinhom jipparteċipaw fuq bażi volontarja fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni organizzati mill-Kummissjoni.
Niġbru u nkomplu nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek bil-mod li ġej:
Xi pproċessar tad-data personali tiegħek jitwettaq permezz ta’ operazzjonijiet awtomatizzati. B'mod partikolari:
- Id-Data Personali u l-kopji tad-dokumenti li jippermettu li jkun hemm prova li l-identità tiegħek u t-twettiq tar-rekwiżiti ta’ nazzjonalità, residenza u età huma sottomessi lill-Kummissjoni mill-organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom bl-użu ta’ formola ta’ reġistrazzjoni fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-IĊE. Huma inklużi b’mod awtomatiku fil-bażi tad-data tar-Reġistru tal-IĊE u kopja tagħhom hi reġistrata fis-sistema Ares li timmaniġġja d-dokumenti tal-Kummissjoni.
- Konfermi tar-riċevuta tat-talba ta’ reġistrazzjoni inkluża d-data personali tal-organizzaturi jintbagħtu b’mod awtomatiku lill-indirizzi tal-email tal-persuni ta’ kuntatt flimkien ma’ kopja lill-mailbox funzjonali tal-Kummissjoni;
- Messaġġi awtomatizzati jintbagħtu lill-organizzaturi (fl-indirizzi tal-email tal-persuni ta’ kuntatt u lill-indirizzi tal-email addizzjonali tal-organizzaturi (b’mod fakultattiv jekk ikun mitlub li jsir dan)), bħala konferma tal-operazzjonijiet differenti mwettqin mill-organizzaturi bl-użu tal-kont tal-organizzatur u fl-okkażjoni tal-fażijiet importanti differenti milħuqin mill-inizjattiva (b’kopja mibgħuta kull darba lill-mailbox funzjonali tal-Kummissjoni);
- Il-messaġġi skambjati bejn il-Kummissjoni u l-organizzaturi permezz tal-formoli ta’ kuntatt (bejn l-“interface amministrattiv” tar-Reġistru tal-IĊE u l-“kont tal-organizzatur”) huma kull darba b’mod awtomatiku mibgħutin bħala kopja lill-indirizzi tal-email tal-persuni ta’ kuntatt u lill-mailbox funzjonali tal-Kummissjoni;
- Id-data personali tal-persuni ta’ kuntatt tal-inizjattiva tiġi ppubblikata awtomatikament skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament tal-IĊE sakemm dawn ikunu parti mid-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għar-reġistrazzjoni jew deċiżjonijiet li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni;
- Il-pubblikazzjoni tad-data tal-organizzaturi (ismijiet u indirizzi tal-email) fl-interface pubbliku tar-Reġistru tal-IĊE ssir b’mod awtomatiku wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva.
Operazzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw id-data tiegħek jitwettqu b’mod manwali. L-operazzjonijiet li ġejjin huma kkonċernati b’mod partikolari:
- Verifiki manwali tal-informazzjoni u provi sottomessi skont l-Anness II tar-Regolament tal-IĊE jitwettqu bħala parti tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, biex jiġi kkonfermat li l-organizzaturi wettqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tiegħu;
- It-trattament tal-bidliet fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-grupp ta’ organizzaturi skont l-Artikolu 5(4);
- Messaġġi permezz tal-Outlook li jistgħu jiġu skambjati mal-Organizzaturi tal-IĊE u suġġetti oħra tad-data;
- It-trattament tar-rappurtar tal-isponsors tal-organizzaturi relatat mat-trasparenza tal-inizjattivi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-IĊE;
- It-trattament ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali u ta’ lmenti relatati mat-trasparenza tal-finanzjament ta’ inizjattivi;
- It-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data;
- L-iskambji mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
Barra minn hekk:
- Id-data tal-organizzaturi tista’ tkun ipproċessata b’mod manwali bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, li jinkludi l-iskambju bil-email;
- Xi dokumenti li jikkonċernaw l-inizjattiva u li fihom data tal-organizzaturi jistgħu jkunu rreġistrati fis-sistema Ares li timmaniġġja d-dokumenti tal-Kummissjoni;
- Data li tinsab fid-deċiżjonijiet f’talba għar-reġistrazzjoni u komunikazzjonijiet bi tweġiba għal inizjattiva valida soġġetta għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.
3. Fuq liema bażi(jiet) ġuridika/ċi nipproċessaw id-data personali tiegħek
- F’każ li inti organizzatur tal-IĊE (membru tal-grupp ta’ organizzaturi jew persuna ta’ kuntatt addizzjonali) għal inizjattiva li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni lill-Kummissjoni, id-data personali tiegħek sottomessa f’dan il-kuntest se tiġi pproċessata mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikoli 5(1) sa (4) u l-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament dwar l-IĊE. Id-data personali tiegħek tista’ tiġi pproċessata wkoll jekk tkun ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-Punt 7 tal-Anness II tar-Regolament tal-IĊE. Barra minn hekk, f’każ li int rappreżentant jew is-sostitut tal-grupp ta’ organizzaturi, ismek ser jiġi ppubblikat bħala parti mid-deċiżjoni tar-reġistrazzjoni jew jew id-deċiżjoni li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament tal-IĊE.
- F’każ li r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tiegħek ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni, ismek bħala organizzatur tal-IĊE (membru tal-grupp tal-organizzaturi) se jkun disponibbli fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-IĊE. L-istess, f’każ li int rappreżentant jew is-sostitut tal-grupp ta’ organizzaturi ta’ inizjattiva ta’ din ix-xorta, l-indirizz tal-email tiegħek se jkun ippubblikat ukoll. Pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta hi prevista mid-dispożizzjonijiet tan-nota f’qiegħ il-paġna (1) tal-Anness II u VII tar-Regolament tal-IĊE.
- Jekk inti sponsor tal-IĊE (fil-kapaċità personali tiegħek), jew jekk tissottometti lment dwar it-trasparenza ta’ finanzjament ta’ inizjattiva, id-data tiegħek tista’ tiġi pproċessata abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-IĊE. Il-Kummissjoni mhix se tippubblika, bħala prinċipju, tippubblika kwalunkwe data personali marbuta ma’ persuna fiżika li jaġixxi bħala sponsor fuq is-sit web tal-IĊE ħlief fuq talba espressa mill-organizzaturi u l-preżentazzjoni minnhom tal-evidenza tal-kunsens espliċitu ta’ dak l-individwu għall-pubblikazzjoni;
- Jekk inti uffiċjal tal-amministrazzjoni nazzjonali involuta fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IĊE, id-data tiegħek tista’ tiġi pproċessata fil-kuntest tal-Artikoli 4(6), 11(3), 12, 20, 22 u 23 tar-Regolament dwar l-IĊE.
Fl-4 każijiet kollha t’hawn fuq l-ipproċessar tad-data personali tiegħek hu legali skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għax:
(a) l-ipproċessar jenħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni; u
(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur.
F’każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni se tippubblika fuq is-sit web tal-IĊE l-isem ta’ individwu li jaġixxi bħala sponsor flimkien mal-ammont ipprovdut fuq talba espliċita mill-organizzaturi u l-preżentazzjoni minnhom tal-evidenza tal-kunsens espliċitu ta’ dak l-individwu għall-pubblikazzjoni (l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).
Meħuda weħidha, id-data pproċessata tiegħek ma taqax fi kwalunkwe kategorija speċjali ta’ data personali sensittiva elenkata taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Madankollu, il-fatt li qed tiġi organizzata jew iffinanzjata inizjattiva speċifika jista’ jiżvela l-opinjonijiet politiċi tal-organizzaturi jew tal-isponsors. Is-sensittività tad-data tiegħek tista’ għalhekk tirriżulta mis-sensittività politika tal-inizjattiva kkonċernata. Skont is-sensittività tal-inizjattiva proposta minnek id-data personali pproċessata tista’ tkun għalhekk ikkunsidrata bħala data li tiżvela opinjonijiet politiċi.
F’dan il-każ l-ipproċessar mhux impedut, billi hu neċessarju għal raġunijiet ta’ interessi pubbliċi sostanzjali, abbażi tal-liġi tal-Unjoni (ir-Regolament tal-IĊE) li hi proporzjonata għall-għan segwit, jirrispetta l-essenza tad-dritt tal-protezzjoni tad-data u jipprovdi miżuri adatti u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi fondamentali tiegħek skont l-Artikolu 10(2)(g). Int intitolat li toġġezzjona għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħek għal raġunijiet leġittimi konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek kif previst fin-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) tal-Anness II u VII tar-Regolament tal-IĊE.
4. Liema data personali tinġabar u hi soġġetta għal ipproċessar ulterjuri?
Sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-IĊE niġbru u nipproċessaw il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
Fil-każ li inti wieħed mill-membri obbligatorji tal-grupp ta’ organizzaturi jew wieħed mill-persuni ta’ kuntatt addizzjonali tal-grupp ta’ organizzaturi, maħtur skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-IĊE:
- l-isem sħiħ,
- l-indirizz postali,
- id-data tat-twelid,
- in-nazzjonalità.
- Barra minn hekk, jinġabru u jiġu pproċessati l-kopji ta’ dokumenti adatti biex tingħata prova tal-identità tiegħek u tat-twettiq tar-rekwiżiti tan-nazzjonalità, tar-residenza u tal-età.
F’każ li int wieħed mill-persuni ta’ kuntatt (rappreżentant jew sostitut) tal-grupp ta’ organizzaturi, niġbru u nipproċessaw addizzjonalment l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tiegħek.
F’każ li inti wieħed mill-membri addizzjonali tal-grupp ta’ organizzatur, aħna niġbru u nipproċessaw l-isem sħiħ tiegħek.
F’każ li d-dettalji personali tiegħek jidhru bħala parti mid-dokumentazzjoni li jkun ippreżenta l-grupp ta’ organizzaturi fil-kuntest tal-Punt 7 tal-Anness II tar-Regolament tal-IĊE, it-tip ta’ data li tkun qed tiġi pproċessata jiddependi mil-liġi nazzjonali applikabbli.
Jekk inti sponsor tal-inizjattiva (fil-kapaċità personali tiegħek), jew jekk tissottometti lment dwar it-trasparenza ta’ finanzjament ta’ inizjattiva, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament tal-IĊE:
- l-isem sħiħ u l-ammont provdut bħala sponsor tal-inizjattiva,
- id-dettalji ta’ kuntatt li pprovdejt bħala ilmentatur (bi preferenza għall-indirizz tal-email).
Jekk int uffiċjali (punt ta’ kuntatt) tal-awtoritajiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IĊE, nistgħu niġbru u nipproċessaw ismek, il-funzjoni u l-indirizz tal-email tiegħek.
5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
Id-data personali li mhix ippubblikata, inkluża d-data personali relatata ma’ inizjattivi mhux reġistrati, tinżamm fir-Reġistru tal-IĊE għal perjodu massimu ta’ 5 snin.
Dan il-perjodu għandu normalment jingħadd mill-aħħar azzjoni mwettqa rigward l-inizjattiva kkonċernata fir-Reġistru tal-IĊE. Madankollu, f’każ li l-inizjattiva kkonċernata hi soġġetta għal proċeduri ġudizzjarji l-perjodu ta’ 5 snin jingħadd mit-tmiem tat-tali proċeduri. F’każ ta’ inizjattivi li kellhom suċċess li għalihom il-Kummissjoni wettqet azzjonijiet ta’ follow-up, il-perjodu ta’ 5 snin jingħadd mill-aħħar azzjoni mwettqa rigward l-inizjattiva inkwistjoni.
Id-data ppubblikata tinżamm fuq is-sit web għal perjodu ta’ żmien indefinit għal finijiet ta’ trasparenza u storiċi. L-indirizzi tal-email tal-persuni ta’ kuntatt ta’ inizjattivi rreġistrati jistgħu jitħassru meta l-Kummissjoni ssir taf li tali indirizzi tal-email ma għadhomx jintużaw.
6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet tad-data applowdjati, eċċ.) tinħażen fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ proċessar kollha jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.
Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, b’kunsiderazzjoni tar-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ proċessar.
7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
Id-data kollha kkonċernata hi disponibbli fil-Kummissjoni għall-membri tal-istaff awtorizzat li huma inkarigati mill-immaniġġjar tar-reġistru tal-IĊE u dawk involuti fis-segwitu tal-inizjattivi, u staff tal-Kummissjoni ieħor awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.
Xi data personali hi disponibbli għal pubbliku inġenerali permezz tal-pubblikazzjoni fil-paġna web individwali tal-inizjattiva korrispondenti fir-Reġistru tal-IĊE u ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan jikkonċerna:
- kemm l-ismijiet tal-membri tal-grupp ta’ organizzaturi għall-inizjattivi rreġistrati kollha kif ukoll l-indirizzi tal-email tal-persuni ta’ kuntatt (rappreżentant jew sostitut),
- l-ismijiet tar-rappreżentant u tas-sostitut, li huma inklużi fid-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva (inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni),
- L-indirizzi tal-email ta’ uffiċjali nazzjonali identifikabbli jistgħu jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-IĊE, biss f’każ li l-Istati Membri kkonċernati jagħżlu li jipprovdu tali indirizzi tal-email, bħala parti mid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet rilevanti tagħhom,
- Huwa biss fuq talba espliċita mill-organizzaturi u l-preżentazzjoni minnhom tal-evidenza tal-kunsens espliċitu tal-individwu għall-pubblikazzjoni, l-ismijiet tal-isponsors, f’każ li jkunu persuni fiżiċi.
8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
Ir-Regolament tal-IĊE jagħtik id-drittijiet li ġejjin:
- Int intitolat li toġġezzjona għall-pubblikazzjoni ta’ ismek u tal-indirizz tal-email tiegħek bħala l-organizzatur ta’ inizjattiva abbażi ta’ raġunijiet leġittimi konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek.
- Int intitolat li titlob it-tneħħija tad-data tiegħek mir-reġistru online tal-Kummissjoni wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.
Barra minn hekk, għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari:
- Int għandek id-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirrettifikaha f’każ li d-data personali tiegħek mhix eżatta jew mhix kompluta. F’ċerti każijiet, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tillimita l-ipproċessar, li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.
- Sa fejn qed taġixxi bħala sponsor f’kapaċità personali li tat il-kunsens tiegħek għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħek fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-IĊE, tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.
Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data Operazzjonali, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tikkuntattja wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom hi mogħtija fl-Intestatura 9 hawn taħt.
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ proċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).
Kull talba għal aċċess għal data personali tiġi ttrattata fi żmien xahar mar-riċeviment tat-talba. Kull talba oħra msemmija hawn fuq tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum tax-xogħol.
9. Informazzjoni ta’ kuntatt
Il-Kontrollur tad-Data
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data Operazzjonali, billi tuża l-informazzjoni ta’ kuntatt li ġejja:
European Commission
Secretariat General
Directorate A 'Strategy, Better Regulation & Corporate Governance'
Unit A.1 'Policy Priorities & Work Programme'
B – 1049 Brussels
Tel. +32 2 29 92165
Email: SG-ECI-INFO@ec.europa.eu
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)
Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)
Għandek id-dritt li tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu). Jekk tikkunsidra li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 ġew miksura bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.
10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet ta’ proċessar kollha tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru b’dan il-link: http://ec.europa.eu/dpo-register.
Din l-operazzjoni ta’ proċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00068
Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-IĊE fuq:
https://citizens-initiative.europa.eu/how-it-works/data-protection_mt
11. Informazzjoni addizzjonali
Ipproċessar tad-data personali tal-isponsors fir-Reġistru tal-IĊE
Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-IĊE, hu meħtieġ li l-organizzaturi jipprovdu permezz tar-Reġistru tal-IĊE (u jaġġornaw sistematikament) l-informazzjoni dwar is-sorsi ta’ finanzjament u ta’ appoġġ għall-inizjattiva tagħhom li jaqbżu il-€500 għal kull sponsor u informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet li qed jassistu fuq bażi volontarja fejn appoġġ bħal dan ma jistax jiġi kkwantifikat ekonomikament. Fil-każ li inizjattiva hi sponsorjata minn persuni fiżiċi, din l-informazzjoni tinkludi l-ismijiet ta’ suġġetti tad-data kkonċernati.
Sa fejn huma kkonċernati persuni fiżiċi li jaġixxu bħala sponsors (suġġetti tad-data), il-Kummissjoni, bħala prinċipju, mhi se tippubblika l-ebda data personali, u se tippubblika biss fuq is-sit web tal-IĊE informazzjoni aggregata taħt kategorija ġenerika “persuni fiżiċi li jaġixxu bħala sponsors” flimkien mal-ammonti miġbura minnhom. Il-Kummissjoni se tippubblika l-isem ta’ sponsor individwali flimkien mal-ammont ipprovdut biss fuq talba espressa mill-organizzaturi u l-preżentazzjoni minnhom tal-evidenza tal-kunsens espliċitu ta’ dak l-individwu għall-pubblikazzjoni. F’każijiet bħal dawn, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin, kif speċifikat fl-Intestatura 8 hawn fuq.
Informazzjoni addizzjonali – stqarrija ta’ privatezza preċedenti
Din l-istqarrija ta’ privatezza ma tkoprix aspetti speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali skont l-ewwel Regolament tal-IĊE (ir-Regolament (UE) Nru 211/2011), li jistgħu jkunu differenti minn dawk attwali. Din id-data xorta tista’ tiġi pproċessata u jew ippubblikata fir-Reġistru tal-IĊE. L-istqarrija ta’ privatezza preċedenti li tapplika għal dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data tinsab fuq:
https://europa.eu/citizens-initiative/privacy-policy