Mur lura għall-paġna ewlenija tal-Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-organizzaturi
Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data - Mistoqsija 18
Appoġġ u finanzjament – x’għandek tkun taf meta tipproċessa d-data personali?
Bħala grupp ta’ organizzaturi, tridu tindikaw, għar-reġistru pubbliku tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u fejn xieraq fuq is-sit web tal-kampanja tagħkom, informazzjoni ċara, preċiża u komprensiva dwar is-sorsi ta’ appoġġ u finanzjament għall-inizjattiva tagħkom.
Informazzjoni li għandha tingħata dwar l-appoġġ u l-finanzjament:
- L-appoġġ u l-finanzjament riċevut minn kwalunkwe sors li jaqbeż €500 għal kull sponsor (dan ikopri kemm l-appoġġ finanzjarju kif ukoll l-appoġġ in natura)
- L-organizzazzjonijiet li jassistuha fuq bażi volontarja, fejn tali appoġġ ma jkunx ekonomikament kwantifikabbli.
Għalhekk, jeħtieġ li tiġbor data personali ta’ persuni fiżiċi li appoġġjaw inizjattivi b’ammonti li jaqbżu €500, u b’mod partikolari:
- l-isem sħiħ tal-isponsor
- id-data tad-donazzjoni
- l-ammont tad-donazzjoni (aktar minn €500).
Skeda ta’ żmien biex tingħata informazzjoni dwar l-appoġġ u l-isponsors:
Din l-informazzjoni jeħtieġ li tiġi pprovduta b’mod partikolari fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva proposta u fil-mument tas-sottomissjoni tagħha lill-Kummissjoni Ewropea (meta l-miljun firma meħtieġa jkunu ġew iċċertifikati), iżda għandha tiġi aġġornata wkoll kull xahrejn. Għandek tikkomunika din id-data lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ formola apposta fil-kont tal-organizzatur tiegħek fid-dawl tal-pubblikazzjoni tagħha fir-reġistru pubbliku.
Regoli u rwoli relatati mal-protezzjoni tad-data:
Fir-rigward ta’ din id-data, ir-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi hu kontrollur uniku tad-data, u l-Kummissjoni Ewropea għandha r-rwol ta’ proċessur tad-data filwaqt li tippubblika din l-informazzjoni fir-reġistru.
L-ipproċessar tad-data personali tal-isponsors li jkunu persuni fiżiċi hu soġġett għar-rekwiżiti tal-GDPR simili għal dawk applikabbli għad-data tal-firmatarji.
Jekk ikunu persuni fiżiċi, l-isponsors għandhom jiġu pprovduti bi stqarrija ta’ privatezza xierqa mill-grupp ta’ organizzaturi fiż-żmien meta tinġabar id-data tagħhom. B’mod partikolari għandhom jiġu mgħarrfa mill-organizzaturi li d-data tagħhom se tiġi ppubblikata fir-reġistru.
Skont ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, l-isponsors huma intitolati joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, u li jitolbu r-rettifika ta’ dik id-data fi kwalunkwe ħin.
Referenzi:
- L-Artikolu 17 l-Annessi II u VII tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej