Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi

Sottomissjoni u eżami

Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2017, wara li nġabru 1,070,865 dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Ara l-istqarrija għall-istampa.

L-organizzaturi ltaqgħu mal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u mal-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Vytenis Andriukaitis fit-23/10/2017. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Sar smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew fl-20/11/2017.

Fit-12 ta’ Diċembru 2017 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-azzjonijiet li beħsiebha tieħu b’rispons għall-inizjattiva Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea

Dokumenti uffiċjali:

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni:

  • Rigward l-ewwel għan, “il-projbizzjoni tal-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat”, il-Kummissjoni kkonkludiet li la hawn bażi xjentifika u lanqas bażi legali li tiġġustifika projbizzjoni tal-glifosat u mhix se tressaq proposta leġiżlattiva li twassal għal din.
  • Rigward it-tieni għan, biex “tiżgura li l-valutazzjoni xjentifika tal-pestiċidi għall-approvazzjoni regolatorja tal-UE tkun ibbażata biss fuq studji ppubblikati, li huma kkummissjonati minn awtoritajiet pubbliċi kompetenti minflok l-industrija tal-pestiċidi”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tressaq proposta leġiżlattiva sa Mejju 2018, fost oħrajn, biex issaħħaħ it-trasparenza tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u ttejjeb - permezz ta’ serje ta’ miżuri - il-governanza għat-twettiq ta’ studji mill-industrija sottomessi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għall-valutazzjoni tar-riskju. Ara d-dettalji hawn taħt taħt “Segwitu”.
  • Rigward it-tielet għan, li “jiġu stabbiliti miri obbligatorji mal-UE kollha għat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi, bil-għan li jkollna ġejjieni ħieles mill-pestiċidi”, il-Kummissjoni kkonkludiet li beħsiebha tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli, u se tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni, inizjalment f’rapport lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva li għandu jiġi ppreżentat fl-2019. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tistabbilixxi indikaturi tar-riskju armonizzati biex ikun jista' jsir il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-livell tal-UE u biex tkun tista' tintuża d-data li tirriżulta minnhom bħala bażi għad-determinazzjoni ta' għażliet ta' politika futuri.

Segwitu

Din it-taqsima tipprovdi informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li ttieħdu mill-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra wara r-rispons tal-Kummissjoni:

Azzjoni leġiżlattiva dwar l-għan 2 (“li jiġi żgurat li l-evalwazzjoni xjentifika tal-pestiċidi għall-approvazzjoni regolatorja tal-UE tkun ibbażata biss fuq studji ppubblikati [...]”):

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ April 2018 bi tweġiba għat-tieni għan tal-inizjattiva (ara hawn fuq).

Biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini u abbażi wkoll tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, il-proposta kienet emenda mmirata tar-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u – sa fejn kienu kkonċernati l-aspetti ta’ trasparenza u kunfidenzjalità – ta’ tmien atti leġiżlattivi settorjali oħra.

Filwaqt li l-inizjattiva taċ-ċittadini kienet tiffoka biss fuq il-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ir-Regolament, ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni, kopra l-katina alimentari kollha u l-prodotti regolati kollha fil-katina alimentari.

Wara l-qbil tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fis-6 ta’ Settembru 2019. Wara d-dħul fis-seħħ tiegħu 20 jum wara l-pubblikazzjoni, beda japplika 18-il xahar wara, jiġifieri fis-27 ta’ Marzu 2021.

 

L-elementi ewlenin tar-Regolament għandhom dawn l-għanijiet:

  • L-iżgurar ta’ aktar trasparenza: Iċ-ċittadini se jkollhom aċċess awtomatiku għall-istudji u l-informazzjoni kollha ppreżentati mill-industrija fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju. Il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku se jiġu kkonsultati wkoll dwar l-istudji ppreżentati. Fl-istess ħin, ir-Regolament se jiggarantixxi l-kunfidenzjalità, f’ċirkostanzi ġġustifikati kif xieraq, billi jistabbilixxi t-tip ta’ informazzjoni li tista’ titqies li hi ta’ ħsara sinifikanti għall-interessi kummerċjali u għalhekk ma tistax tiġi żvelata.
  • Iż-żieda fl-indipendenza tal-istudji: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel se tiġi nnotifikata dwar l-istudji kkummissjonati kollha biex tiggarantixxi li l-kumpaniji li japplikaw għal awtorizzazzjonijiet jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha u ma joqgħodux lura milli joħorġu studji mhux favorevoli. L-Awtorità se tipprovdi wkoll parir ġenerali lill-applikanti, b’mod partikolari lill-SMEs, qabel ma jressqu l-file. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Awtorità biex tikkummissjona studji addizzjonali għall-finijiet ta’ verifika u se twettaq missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tivverifika l-konformità ta’ laboratorji/studji mal-istandards applikabbli bejn Marzu 2021 u Marzu 2025.
  • It-tisħiħ tal-governanza u l-kooperazzjoni xjentifika: L-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew se jkunu involuti fil-governanza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel billi jiġu rrappreżentati kif xieraq fil-Bord ta’ Tmexxija tagħha. L-Istati Membri se jrawmu l-kapaċità xjentifika tal-Awtorità u se jinvolvu l-aħjar esperti indipendenti f'xogħolha.
  • L-iżvilupp ta’ komunikazzjoni komprensiva tar-riskju: Ir-Regolament il-ġdid jistabbilixxi l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tal-komunikazzjoni tar-riskju. Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, se jadottaw pjan ġenerali għall-komunikazzjoni tar-riskju biex tiġi żgurata strateġija koerenti ta’ komunikazzjoni tar-riskju matul il-proċess kollu tal-analiżi tar-riskju, flimkien ma’ djalogu miftuħ fost il-partijiet interessati kollha.

Il-Kummissjoni u l-EFSA qed jaħdmu mill-qrib biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament il-ġdid.

Tista’ ssib aktar informazzjoni fis-sit web apposta tal-Kummissjoni.

Azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva dwar l-għan 3 (“li jiġu stabbiliti miri obbligatorji fl-UE kollha għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi, bl-għan li jinkiseb futur ħieles mill-pestiċidi”):

Tnaqqis tal-pestiċidi: prijorità ewlenija għall-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt

L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, ippubblikata f’Mejju 2020, tistabbilixxi miri ambizzjużi għall-pestiċidi, b’mod partikolari tnaqqis ta’ 50% tal-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi u l-aktar perikolużi.

Għal informazzjoni aġġornata dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-indikaturi tar-riskju armonizzati, ara s-sit web iddedikat tal-Kummissjoni.

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?