Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data - Mistoqsija 9

Mur lura għall-paġna ewlenija tal-Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-organizzaturi

 

Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data - Mistoqsija 9

X’informazzjoni għandek tagħti liċ-ċittadini meta tiġbor id-data tagħhom? 

Japplika għax-Xenarju tal-Każ 2 (ir-rappreżentant jaġixxi bħala l-uniku kontrollur tad-data), ħlief fir-rigward tal-użu tas-servizz ta’ skambju ta’ files tal-Kummissjoni.

Meta ċ-ċittadini (firmatarji) jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ appoġġ (u jipprovdu b’mod fakultattiv l-indirizz tal-email tagħhom), jeħtieġ li jiġu infurmati dwar kif din id-data personali għandha tiġi pproċessata (għal liema skop, għal kemm żmien, minn min, lil min tista’ tiġi żvelata, kif inhi protetta, x’inhuma d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data u kif jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet, eċċ.).

Id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ stabbilita mir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tinkludi test standard għal Stqarrija ta’ Privatezza. Din l-Istqarrija ta’ Privatezza tikkorrispondi għall-informazzjoni, li l-firmatarji għandhom jingħataw meta tinġabar id-data tagħhom.

Stqarrija ta’ privatezza għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura fuq karta stabbilita mir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej:

Skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), id-data personali tiegħek ipprovduta f’din il-formola se tintuża biss għall-appoġġ tal-inizjattiva u se tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-fini ta’ verifika u ċertifikazzjoni. Inti għandek id-dritt li titlob mill-grupp ta’ organizzaturi ta’ din l-inizjattiva l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek.

Id-data tiegħek se tinħażen mill-grupp ta’ organizzaturi għal perjodu massimu ta’ żamma ta’ xahar wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni Ewropea jew 21 xahar wara l-bidu tal-perjodu ta’ ġbir, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. Hi tkun tista’ tinżamm lil hinn minn dawn il-limiti ta’ żmien fil-każ ta’ proċedimenti amministrattivi jew legali, għal mhux aktar minn xahar wara d-data tal-għeluq ta’ dawn il-proċedimenti.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, għandek id-dritt li tressaq fi kwalunkwe ħin ilment quddiem awtorità tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fl-Istat Membru tiegħek ta’ residenza abitwali, fil-post tax-xogħol jew fil-post tal-ksur allegat, jekk taħseb li d-data tiegħek tkun ipproċessata illegalment.

Ir-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva jew, fejn xieraq, l-entità ġuridika maħluqa minnu, hu l-kontrollur skont it-tifsira tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u jistgħu jiġu kkuntattjati bl-użu tad-dettalji mogħtija f’din il-formola.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (jekk ikun hemm) huma disponibbli fl-indirizz web ta’ din l-inizjattiva fir-reġistru tal-Kummissjoni Ewropea, kif previst fil-punt 4 ta’ din il-formola.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità nazzjonali li se tirċievi u tipproċessa d-data personali tiegħek u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data huma disponibbli fuq: http://ec.citizens-initiative.europa.eu/public/data-protection?lg=mt

Meta tiġbor fuq karta

Meta d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jinġabru fuq formoli stampati, għandek tqassam kopja tal-istqarrija ta’ privatezza jew link għaliha lill-firmatarji fil-lingwa nattiva tagħhom. Din l-istqarrija ta’ privatezza għandha timtela bid-dettalji ta’ kuntatt tiegħek bħala kontrollur tad-data, kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, jekk ikun hemm, u tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-data.

Stqarrija ta’ privatezza għall-indirizzi tal-email

Ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ma jiddefinixxix mudell simili għal stqarrija ta’ privatezza li għandha tintuża meta jinġabru l-indirizzi tal-email tal-firmatarji. Bħala rappreżentant, jeħtieġlek tistabbilixxi tali stqarrija ta’ privatezza f’konformità mar-rekwiżiti tal-GDPR.

L-informazzjoni minima li ġejja għandha tiġi pprovduta lill-firmatarji (ara l-Artikolu 13 tal-GDPR):

  • id-deskrizzjoni u l-għan tal-ipproċessar;
  • id-data pproċessata;
  • ir-riċevituri tad-data, jekk ikun hemm;
  • it-tul ta’ żmien ippjanat tal-ħażna;
  • id-drittijiet tal-firmatarji bħall-irtirar tal-kunsens, id-dritt ta’ aċċess, ir-rettifika, it-tħassir jew l-oġġezzjoni;
  • l-istruzzjonijiet dwar id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtoritajiet.

F’każ ta’ ġbir ta’ indirizzi tal-email, il-firmatarji jeħtieġ li jagħtu l-kunsens separat għall-ipproċessar tagħhom kif deskritt fl-istqarrija ta’ privatezza.

JEKK JOGĦĠBOK INNOTA: 

F’każ li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u l-indirizzi tal-email jinġabru permezz tas-sistema ċentrali ta’ ġbir online, l-istqarrijiet ta’ privatezza rilevanti jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea. It-testi ta’ dawn l-istqarrijiet ta’ privatezza huma ppubblikati fuq is-sit web tal-IĊE tal-Kummissjoni.

Referenzi:

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?