Sottomissjoni u eżami
L-inizjattiva “End the Cage Age” ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ottubru 2020, wara li ġabret 1,397,113-il dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Ara l-istqarrija għall-istampa.
L-organizzaturi ltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová u mal-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Stella Kyriakides fit-30 ta’ Ottubru 2020.
Saret seduta pubblika fil-Parlament Ewropew fil-15 ta’ April 2021. Ara l-istqarrija għall-istampa.
L-inizjattiva ġiet diskussa fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Ġunju 2021. Fir-riżoluzzjoni adottata fl-istess jum, il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Parlament Ewropew.
Fit-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu b’reazzjoni għall-inizzjattiva “End the Cage Age”. Ara l-istqarrija għall-istampa u l-Mistoqsijiet u Tweġibiet.
Tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea
Konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni:
Fit-tweġiba tagħha għall-IĊE, il-Kummissjoni kkomunikat l-intenzjoni tagħha li, sa tmiem l-2023, tippreżenta proposta leġiżlattiva, biex telimina gradwalment, u finalment tipprojbixxi, l-użu tal-gaġeġ għall-annimali kollha msemmija fl-IĊE, taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-opinjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u r-riżultati ta’ valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika.
Flimkien mal-leġiżlazzjoni u biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bbilanċjata u ekonomikament vijabbli għat-tmiem tat-trobbija fil-gaġeġ, il-Kummissjoni se tfittex miżuri ta’ appoġġ speċifiċi, bħall-kummerċ u r-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida se tipprovdi appoġġ finanzjarju u inċentivi - bħall-istrument il-ġdid tal-ekoskemi - biex tgħin lill-bdiewa jaġġornaw għal faċilitajiet li jirrispettaw aktar lill-annimali f’konformità mal-istandards il-ġodda.
SEGWITU
Ġew ippubblikati l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar ir-riskji tal-benessri assoċjati mal-gaġeġ għall-ispeċijiet u l-kategoriji kollha tal-annimali koperti mill-IĊE (ħnieżer, tiġieġ tal-bajd, tiġieġ tas-simna, nissiela tas-saffi, għoġġiela, fniek, papri, wiżż u summien). Saret konsultazzjoni pubblika mill-15 ta’ Ottubru 2021 sal-21 ta’ Jannar 2022. Inbdiet valutazzjoni tal-impatt, b’valutazzjoni tal-impatt tal-bidu ppubblikata f’Lulju 2021, segwita minn sensiela ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni, inkluż fil-kuntest tal-pjattaforma tal-UE għat-trattament xieraq tal-annimali, u s-sottogruppi rilevanti tagħha.
Bħala parti mill-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tal-2020, il-Kummissjoni kienet diġà esprimiet l-intenzjoni li tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport u t-trobbija. Din il-leġiżlazzjoni ġiet sottomessa għal kontroll tal-idoneità, konkluż f’Settembru 2022. Ir-riżultati tagħha ġew ippreżentati f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Ara aktar informazzjoni dwar ir-reviżjoni.
Il-Kummissjoni qed tivvaluta bir-reqqa aspetti importanti biex tiżgura li t-tranżizzjoni lejn trobbija mingħajr gaġeġ tkun sostenibbli għas-settur agrikolu u għas-sistemi tal-ikel tagħna, inkluża s-sigurtà tal-ikel. Ir-riżultati preliminari tal-valutazzjoni tal-impatt li għaddejja bħalissa juru li t-tranżizzjoni lejn sistemi mingħajr gaġeġ titlob l-adattament ta’ diversi parametri tal-biedja, bħall-arrikkiment tal-ambjent tal-annimali u l-għoti ta’ aktar spazju lill-annimali, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet imtejba tat-trattament xieraq tal-annimali. Huma meħtieġa aktar konsultazzjonijiet rigward il-kostijiet, it-tul xieraq tal-perjodu tranżitorju u l-miżuri rilevanti waqt l-importazzjoni. Sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn it-trattament xieraq tal-annimali u l-impatti soċjoekonomiċi, l-eliminazzjoni gradwali tal-gaġeġ għandha ġġib magħha miżuri oħra b’rabta mat-trattament xieraq tal-annimali fil-livell tal-azjendi agrikoli.
Ir-rapport finali tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE ġie ppubblikat fl-4 ta’ Settembru 2024. Il-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel adottata fid-19 ta’ Frar 2025, tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE u tiddikjara li: “il-Kummissjoni se tagħmel skambji mill-qrib mal-bdiewa, mal-katina alimentari u mas-soċjetà ċivili u fuq dik il-bażi se tippreżenta proposti dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali, inkluż l-impenn tagħha li gradwalment telimina l-gaġeġ. Din ir-reviżjoni se tkun ibbażata fuq l-aħħar evidenza xjentifika u se tqis l-impatt soċjoekonomiku fuq il-bdiewa u l-katina agroalimentari, filwaqt li se tipprovdi appoġġ kif ukoll perjodi u perkorsi ta’ tranżizzjoni xierqa u speċifiċi għall-ispeċijiet.”
Għal aktar aġġornamenti, iċċekkja l-paġna web iddedikata.