Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Waqqaf it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar - Waqqaf il-Kummerċ

 

Sottomissjoni u eżami

L-inizjattiva “Waqqaf it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar - Waqqaf il-Kummerċ” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Jannar 2023, wara li nġabru 1,119,996 dikjarazzjoni ta’ appoġġ ivverifikati. Ara t-tħabbira għall-istampa.

L-organizzaturi ltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová u mal-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius fis-6 ta’ Frar 2023. Ara t-tħabbira għall-istampa u r-ritratti.

Fis-27 ta’ Marzu 2023 saret seduta pubblika fil-Parlament Ewropew. Ara r-reġistrazzjoni.

L-inizjattiva ġiet diskussa fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fil-11 ta’ Mejju 2023. Ara r-reġistrazzjoni.

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fil-5 ta’ Lulju 2023 li tistabbilixxi r-rispons tagħha għall-inizjattiva “Waqqaf it-tneħħija tal-pinen tal-kelb il-baħar – Waqqaf il-kummerċ”. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea

Factsheet - Successful Initiatives - Stop Finning-Stop the trade
Factsheet - Successful Initiatives - Stop Finning-Stop the trade
Malti
(554.56 KB - PDF)
Iddawnlowdja

 

Konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni:

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li:

● Tibda mingħajr dewmien il-ħidma preparatorja bil-ħsieb li tniedi, sa tmiem l-2023, valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-applikazzjoni tal-politika dwar il-“pinen imwaħħla b’mod naturali” għat-tqegħid tal-klieb il-baħar fis-suq tal-UE, kemm jekk fl-UE kif ukoll jekk għall-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet).

● Sa tmiem l-2024, tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-UE biex ittejjeb l-istatistika dwar il-kummerċ fil-prodotti tal-klieb il-baħar.

● Tinforza aħjar il-miżuri ta’ traċċabbiltà tal-UE li diġà huma b’saħħithom billi ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-UE li tapplika għall-katina tal-valur kollha - il-kontroll tas-sajd fuq il-baħar, it-traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti tal-klieb il-baħar mill-iżbark sal-konsumatur, l-informazzjoni għall-konsumatur, u l-prevenzjoni u r-rimedju tal-kummerċ illegali - u tiżgura l-ġbir u r-rappurtar ta’ informazzjoni kompluta u affidabbli mis-sajjieda u l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar dawn l-aspetti kollha.

● Issaħħaħ l-azzjoni internazzjonali tal-UE: tippromwovi l-projbizzjoni dinjija tat-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar u ssaħħaħ l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għall-ispeċijiet tal-klieb il-baħar; tinkoraġġixxi t-tnaqqis tad-domanda għall-pinen tal-klieb il-baħar; u tiġġieled kontra t-traffikar tal-pinen tal-klieb il-baħar.

 

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kummissarju Virginijus Sinkevičius iltaqa’ mal-organizzaturi tal-inizjattiva “Waqqaf it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar - Waqqaf il-Kummerċ” biex jiddiskuti t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-inizjattiva.

Segwitu

Fit-tieni nofs tal-2023 il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem fuq valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-applikazzjoni tal-politika dwar il-“pinen imwaħħla b’mod naturali” għat-tqegħid tal-klieb il-baħar fis-suq tal-UE, kemm jekk fl-UE kif ukoll jekk għall-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet).

Fit-22 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-evidenza li tfittex fehmiet u għarfien espert dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ projbizzjoni potenzjali fuq il-bejgħ tal-UE u l-kummerċ internazzjonali tal-pinen tal-klieb il-baħar separati, kif ukoll dwar għażliet ta’ politika oħra biex il-klieb il-baħar u l-ekosistemi tal-baħar relatati jiġu protetti aħjar. Is-sejħa għall-evidenza ġiet ikkomplementata b’konsultazzjoni pubblika, miftuħa sal-4 ta’ Ġunju 2024.  Aqra aktar fil-paġna ddedikata.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem lejn infurzar aħjar tar-regoli eżistenti. Dan jikkonċerna, fost l-oħrajn, l-implimentazzjoni tar-Regolament rivedut tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd u r-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) li daħal fis-seħħ f’Jannar 2024 u l-implimentazzjoni tal-elenkar tal-klieb il-baħar fis-CITES. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll azzjonijiet ulterjuri meħtieġa biex tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-klieb il-baħar f’koordinazzjoni mal-gruppi ta’ esperti tal-Istati Membri. Fl-1 ta’ Marzu 2024 saret laqgħa ddedikata dwar dan is-suġġett.  

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni qed tikkomunika mas-sħab internazzjonali bl-għan li tikseb, fost l-oħrajn, projbizzjoni dinjija tat-tneħħija tal-pinen u tnaqqis fil-konsum globali tal-klieb il-baħar. Mill-ħarifa tal-2023, tqajmet il-kwistjoni tal-isforzi fl-oqsma tat-tneħħija tal-pinen u tal-konservazzjoni tal-klieb il-baħar ma’ għadd ta’ sħab, inkluż fid-Djalogu ta’ Livell Għoli maċ-Ċina, f’kuntatti bilaterali mal-kontropartijiet Ġappuniżi, kif ukoll fil-kuntest tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), l-UE ħadmet mill-qrib mal-Istati Uniti u ma’ sħab oħra fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) f’Novembru 2023, biex tiġbor appoġġ għal proposta biex tiġi adottata politika dwar pinen imwaħħla b’mod naturali. Filwaqt li f’din l-okkażjoni l-proposta ma laħqitx il-kunsens meħtieġ, l-UE se tkompli tippromwovi l-politika dwar il-pinen imwaħħla b’mod naturali fl-ICCAT u f’RFMOs oħra, fejn il-flotta tal-UE tirrapporta qabdiet ta’ klieb il-baħar, sabiex eventwalment timplimenta projbizzjoni tat-tneħħija tal-pinen fil-livell reġjonali. 

 

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?