Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Minority SafePack – Miljun firma favur id-diversità fl-Ewropa

Sottomissjoni u eżami

Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fl-10 ta' Jannar 2020, wara li nġabru 1,123,422 dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Ara l-istqarrija għall-istampa.

L-organizzaturi ltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-“Valuri u t-Trasparenza”, Věra Jourová u l-Kummissarju għall-“Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ”, Mariya Gabriel fil-5 ta' Frar 2020.

Saret seduta pubblika fil-Parlament Ewropew fil-15 Ta' Ottubru 2020. Ara l-istqarrija għall-istampa.

L-inizjattiva ġiet diskussa fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fl-14 ta' Diċembru 2020. Fir-riżoluzzjoni adottata fis-17 ta' Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fl-14 ta' Jannar 2021 li tistabbilixxi kif il-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti u adottata reċentement tappoġġja l-aspetti differenti tal-Inizjattiva Minority SafePack. It-tweġiba ddeskriviet aktar azzjonijiet ta’ segwitu. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea u segwitu

Dokumenti uffiċjali:

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni:

L-inklużjoni u r-rispett għad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa huma fost il-prijoritajiet u l-objettivi tal-Kummissjoni Ewropea. Ittieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri li jindirizzaw diversi aspetti tal-proposti tal-inizjattiva matul l-aħħar snin minn meta l-inizjattiva kienet oriġinarjament ippreżentata fl-2013. Il-Komunikazzjoni tivvaluta kull waħda mid-disa’ proposti individwali fuq il-merti tagħha stess, filwaqt li tqis il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Filwaqt li ma ġie propost ebda att legali ieħor, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni u l-politiki diġà fis-seħħ tipprovdi sett ta’ miżuri b’saħħtu biex tappoġġja l-għanijiet tal-inizjattiva.

Segwitu

Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ inizjattivi tal-UE adottati qabel is-sottomissjoni tal-“Minority SafePack”, li huma direttament rilevanti għall-inizjattiva taċ-ċittadini. Hija tkompli wkoll twettaq azzjonijiet ta’ politika f’dawn l-oqsma. Pereżempju:

  • Il-Kummissjoni timplimenta programmi ta’ finanzjament fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni (b’mod partikolari l-Erasmus+) li huma kompletament aċċessibbli għall-komunitajiet żgħar tal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Xi eżempji ta’ proġetti li jippromwovu lingwi reġjonali u minoritarji ffinanzjati mill-Erasmus jistgħu jinstabu hawnhekk.

 

  • Fir-rigward tar-regoli dwar il-finanzjament tal-UE b’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni saħħet il-konformità mad-drittijiet fundamentali fil-fondi tal-UE. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) li jistabbilixxi r-regoli għall-baġit 2021-2027 fih “kundizzjoni abilitanti” li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw il-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni meta jiżborżaw il-fondi tal-UE koperti mis-CPR. Dawn se jkomplu jappoġġjaw l-integrazzjoni soċjoekonomika inkluż dik ta’ komunitajiet emarġinati, gruppi vulnerabbli inklużi minoranzi etniċi, f’konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

 

  • Fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ riċerka, “Orizzont Ewropa”, il-Programm Qafas attwali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027), u l-programmi ta’ implimentazzjoni tiegħu joffru, b’mod partikolari taħt ir-Raggruppament 2 “Kultura, soċjetà kreattiva u inklużiva”, opportunitajiet ta’ riċerka fir-rigward tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa. Fil-fatt, ir-riċerka dwar il-minoranzi nazzjonali jew id-diversità kulturali u lingwistika tista’ titwettaq minn perspettivi differenti u bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ Xjenzi Soċjali u Umanistiċi differenti.

 

  • Fir-rigward tal-proposti tal-inizjattiva relatati mas-servizzi tal-media awdjoviżiva, jiġifieri li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-riċeviment ta’ kontenut awdjoviżiv f’reġjuni fejn jgħixu l-minoranzi nazzjonali, b’segwitu għall-ewwel rieżami fuq terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku, fl-2021 u fl-2022, il-Kummissjoni organizzat djalogu mas-settur awdjoviżiv biex jintlaħaq qbil dwar passi konkreti biex jittejbu d-disponibbiltà tal-kontenut awdjoviżiv u l-aċċess għalih fl-UE kollha. Il-laqgħa finali ta’ djalogu saret fis-6 ta’ Diċembru 2022. Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawn.

 

 

Informazzjoni oħra

F’sentenza tad-9 ta’ Novembru 2022 (kawża T-158/21), il-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċaħdet it-talba tal-grupp tal-organizzaturi ta’ “Minority SafePack” biex tiġi annullata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 171. Il-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas ma kisret l-obbligi tagħha ta’ motivazzjoni fil-komunikazzjoni tagħha, li fiha l-Kummissjoni indikat li ebda leġiżlazzjoni oħra ma kienet neċessarja f’dan l-istadju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-IĊE.

Aktar informazzjoni fl-Istqarrija għall-Istampa dwar is-sentenza

L-organizzaturi appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2023.

 

Tixtieq titgħallem u tikkollabora?