Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Regoli u dokumenti

Regoli tal-kompetizzjoni ImagineEU

L-applikazzjonijiet issa magħluqin.

 

Meta tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, inti tkun qed taqbel mar-Regoli tal-Kompetizzjoni li ġejjin.

Sottomissjonijiet li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-rekwiżiti ma jiġux ikkunsidrati.

Din il-kompetizzjoni hija mmaniġġjata minn Netcompany-Intrasoft (il-Manager tal-Kompetizzjoni) f’isem u b’kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea (is-Segretarjat Ġenerali, l-Unità A.1 - Prijoritajiet tal-Politika Programm ta’ Ħidma).

X’inhi din il-kompetizzjoni?

Il-kompetizzjoni tindirizza lill-istudenti fl-aħħar sentejn ta’ edukazzjoni sekondarja mill-pajjiżi kollha tal-UE, taħt is-superviżjoni tal-għalliema, biex joħolqu u jixxerjaw video qasir dwar idea konkreta li għandhom biex itejbu l-komunitajiet tagħhom u biex jipproponu azzjoni li jixtiequ li tieħu l-Unjoni Ewropea. Il-video għandu jindirizza suġġett li jaqa’ f’wieħed mill-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea – kif inhu l-każ tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej.

Il-messaġġ fil-video għandu jirrappreżenta t-tħassib u l-ideat tal-istudenti. Il-messaġġ ġenerali għandu jkun ċar, u l-azzjoni proposta għandha tkun rilevanti għall-pajjiżi kollha tal-UE.

Din il-kompetizzjoni tibni fuq il-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), għodda importanti ta’ demokrazija parteċipattiva fl-UE, li tippermetti liċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fit-tfassil tal-politika tal-UE. Il-kompetizzjoni tista’ tiġi kkombinata mal-użu tas-Sett ta’ għodod edukattivi għall-iskejjel, li permezz tiegħu l-istudenti jitgħallmu aktar dwar l-UE u kif jistgħu jkunu ċittadini attivi bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

NB. Wieħed m’għandux iħallat il-kompetizzjoni mal-proċess uffiċjali tal-bidu ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Min jista’ jipparteċipa?

Il-videos għandhom jiġu żviluppati u prodotti minn gruppi ta’ mhux aktar minn 7 studenti fl-aħħar sentejn tal-edukazzjoni sekondarja mill-istess skola taħt is-superviżjoni ta’ għalliem(a) jew żewġt għalliema, mill-istess skola.

Eliġibbiltà
Ġenerali
  1. L-iskejjel eliġibbli jinkludu skejjel pubbliċi u privati jew kwalunkwe skola oħra rikonoxxuta uffiċjalment li tipprovdi edukazzjoni fil-livell sekondarju.
  2. L-iskejjel parteċipanti għandhom ikunu bbażati fi Stat Membru tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja.
  3. Skola jista’ jkollha diversi gruppi ta’ studenti li jidħlu fil-kompetizzjoni, iżda student għandu jkun parti minn tim wieħed biss. It-timijiet għandhom jinkludu studenti mill-istess skola, iżda mhumiex meħtieġa li jkunu mill-istess klassi.
  4. Jista’ jiġi sottomess video wieħed biss għal kull tim.
  5. L-entrati jistgħu jiġu sottomessi biss mill-għalliema ta’ superviżjoni.
  6. L-istudenti parteċipanti għandhom jaqraw id-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza u jagħtu l-kunsens tagħhom biex jiġu ffilmjati u jieħdu sehem fil-kompetizzjoni billi jiffirmaw il-Formola ta’ Awtorizzazzjoni. Il-Formola ta’ Awtorizzazzjoni trid tiġi ffirmata wkoll mill-ġenituri jew mill-kustodji legali tal-istudenti.
Kontenut tal-video
  1. Il-videos li mhumiex rilevanti għas-suġġett tal-kompetizzjoni jew li jiġu xxerjati permezz ta’ mezz għajr dawk indikati għal din il-kompetizzjoni (YouTube jew Vimeo) mhux se jiġu kkunsidrati. Fil-formola tal-applikazzjoni agħżel mil-lista l-qasam/oqsma ta’ kompetenza tal-UE li jirreferi għalih(om) il-video.
  2. Il-videos m’għandhomx jinkludu persuni oħra għajr l-istudenti li jkunu qed jipparteċipaw fil-kompetizzjoni.
  3. L-applikazzjonijiet b’kontenut inaċċettabbli se jiġu rrifjutati. Raġunijiet għar-rifjut jinkludu iżda mhumiex limitati għal: ksur tad-drittijiet ta’ partijiet terzi, lingwaġġ offensiv, kitba jew immaġni mhux xierqa, kontenut li huwa diskriminatorju jew xewwiexi għal gruppi jew individwi, kontenut li jiżvela informazzjoni personali mhux meħtieġa, kif ukoll sottomissjonijiet mhux kompluti. Il-kontenut għandu jkun konformi ma’ (i) il-valuri tal-UE, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u (ii) id-drittijiet fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
  4. Il-videos jistgħu jiġu prodotti u sottomessi bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u jrid ikollhom magħhom traskrizzjoni tradotta bl-Ingliż. Dawn jistgħu jinkludu wkoll sottotitli bl-Ingliż, iżda dan mhux obbligatorju.
Format tal-video
  1. Il-videos għandhom jiġu applowdjati fuq YouTube jew Vimeo. Il-formati rakkomandati tal-videos għall-applowdjar huma .mov jew .mp4.
  2. Il-link tal-YouTube/Vimeo għall-video tiegħek irid jiġi inkluż fil-formola tal-applikazzjoni.
  3. Il-video ma jistax ikun itwal minn 3 minuti.
  4. Huwa ssuġġerit li l-videos jiġu ffilmjati fil-format landscape (orjentazzjoni orizzontali). Il-videos għandhom jiġu ffilmjati b’apparat ta’ kwalità (kamera jew telefown), li jippermetti ħoss ta’ kwalità.
Drittijiet tal-awtur

L-entrati kollha jridu jkunu xogħol oriġinali u l-parteċipanti għandhom ikunu l-uniku sid jew ċessjonarju tad-drittijiet tal-awtur. Hu suġġerit li l-parteċipanti jużaw materjali mingħajr drittijiet tal-awtur.

Il-parteċipanti għandhom iżommu l-file diġitali oriġinali tal-entrata tagħhom, peress li jistgħu jintalbu jagħtu prova tas-sjieda tax-xogħol. Il-kandidati għall-kompetizzjoni jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni supplimentari.

Formola ta' Awtorizzazzjoni

Il-Formola ta’ Awtorizzazzjoni tista’ tiġi ddawnlowdjata mill-paġna tal-kompetizzjoni bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Trid timtela, tiġi ffirmata u sottomessa (bħala file skennjat jew fotografat) bħala parti mill-applikazzjoni għal kull student li jipparteċipa fil-kompetizzjoni. Jekk dan ma jsirx, l-applikazzjoni ssir ineliġibbli.

Il-Formola ta’ Awtorizzazzjoni trid timtela u tiġi ffirmata minn kull student li jidher fil-video u mill-ġenituri jew mill-kustodji legali tiegħu. Għandu jkun hemm formoli ta’ awtorizzazzjoni mehmuża mal-applikazzjoni daqs l-istudenti li jidhru fil-video.

Jekk ma jintbagħtux il-formoli kollha ta’ awtorizzazzjoni mimlija kif suppost, l-entrata ssir ineliġibbli.

Sottomissjoni tal-Formola ta’ Applikazzjoni

L-għalliema ta’ superviżjoni għandhom jimlew il-formola ta’ applikazzjoni ospitata fil-Forum tal-IĊE. L-applikant għandu jidħol fis-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni Ewropea magħruf bħala “EU Login”, fuq is-sit web tal-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi sat-13 ta’ Diċembru 2023 (24:00 CET). Is-sottomissjonijiet wara din l-iskadenza ma jiġux ikkunsidrati.

It-taqsimiet kollha tal-Formola ta’ Applikazzjoni jridu jimtlew biex l-entrata tkun eliġibbli.

L-applikazzjoni tinkludi l-elementi li ġejjin:

  • Informazzjoni dwar l-għalliema ta’ superviżjoni (applikant): l-isem, l-email, it-telefown, l-isem tal-iskola u l-pajjiż.
  • Informazzjoni dwar l-istudenti: l-isem u l-kunjom, il-formoli tal-awtorizzazzjoni għal kull wieħed mill-istudenti parteċipanti (mhux aktar minn 7), mimlijin u ffirmati kif xieraq.
  • Informazzjoni dwar il-video: il-link URL kif applowdjat fuq YouTube jew Vimeo, it-titlu tal-video, deskrizzjoni qasira (mass. 500 karattru), il-lingwa mitkellma tal-video (mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE), u traskrizzjoni tradotta bl-Ingliż.
  • Il-kompetenza/i magħżula tal-UE li taħtu/taħthom jaqa’ l-kunċett tal-video.

Jekk il-formola ta’ awtorizzazzjoni ma timteliex, l-entrata ssir ineliġibbli.

Evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet

Il-Manager tal-Kompetizzjoni, li jaħdem b’kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea, se jivvaluta l-eliġibbiltà tas-sottomissjonijiet. Il-Manager imbagħad se jivverifika l-video u japplowdja dawk eliġibbli u jagħmilhom disponibbli għall-votazzjoni pubblika. Meta jitlesta l-perjodu tal-votazzjoni, ġurija magħmula minn uffiċjali tal-UE u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se tivvaluta l-aktar videos ivvutati f’termini ta’ rilevanza, ċarezza, oriġinalità, u kreattività biex tiddetermina t-tliet timijiet rebbieħa.

Il-kriterji li ġejjin se jiġu kkunsidrati għall-evalwazzjoni tal-videos:

  • Rilevanza għall-IĊE (0-25 punti): L-idea tal-video hija rilevanti bħala suġġett għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej?
  • Ċarezza (0-50 punti): Il-messaġġ huwa ċar u konċiż?

  • Kreattività (0-25 punti): L-idea hija oriġinali? It-tim jindirizza l-idea b’mod interessanti? Intużaw elementi jew attributi li jaqbdu l-għajn ta’ min qed jarah?

Biex ikunu eliġibbli għall-premju l-applikanti jridu jilħqu mill-inqas 60 punt b’kollox. It-tim(ijiet) rebbieħ(a) se jiġi/jiġu nnotifikat(i) permezz tad-dettalji ta’ kuntatt tal-għalliema fil-formola ta’ applikazzjoni tagħhom sal-20 ta’ Frar 2024. Ir-rebbieħa se jitħabbru fuq il-paġna web tal-IĊE u fuq mezzi uffiċjali oħra tal-Kummissjoni Ewropea.

L-organizzaturi tal-kompetizzjoni jirriżervaw id-dritt li jikkuntattjaw lill-iskejjel parteċipanti matul il-proċess ta’ evalwazzjoni biex jiċċaraw kwalunkwe dettall relatat mal-applikazzjoni.

Premju: Vjaġġ ta’ studju lejn Brussell

It-tliet timijiet rebbieħa – kull wieħed magħmul minn massimu ta’ 7 studenti u sa 2 għalliema - se jirbħu vjaġġ ta’ studju lejn Brussell, ippjanat għall-21-23 ta’ Marzu 2024. Matul il-vjaġġ, l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej biex isiru jafu aktar dwar kif isiru l-politiki u l-liġijiet tal-UE u kif iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jinvolvu ruħhom fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

Il-premju jkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tat-tim bejn il-post tal-iskola fil-pajjiż tal-UE u Brussell, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għal żewġt iljieli u allowance ta’ kuljum biex tkopri spejjeż oħra (madwar €113-il kuljum għal kull persuna), skont ir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

It-timijiet rebbieħa magħmulin minn mhux aktar minn 7 studenti u sa 2 għalliema se jkollhom iħallsu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni tagħhom u se jirċievu r-rimborż tagħhom fi żmien 30 jum wara l-vjaġġ. Għal dak l-għan, kull parteċipant jew istituzzjoni li koprew l-ispejjeż se jkollhom jibagħtu l-formola mimlija ta’ informazzjoni dwar il-kont bankarju, il-biljetti tagħhom u l-karti tal-imbarkazzjoni tagħhom u jimlew il-formola tar-rapport ta’ feedback. It-timijiet rebbieħa se jiġu kkuntattjati għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar.

It-timijiet rebbieħa kollha se jiġu mistiedna jsegwu programm organizzat matul iż-żjara tagħhom.

Il-videos tat-timijiet rebbieħa se jiġu promossi fuq il-mezzi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea b’sottotitli bl-Ingliż. Meta jiġu ppubblikati l-videos rebbieħa, se tiżdied l-identità viżwali tal-IĊE.

Dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà

L-organizzaturi fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe inċident, spiża, ħsara diretta jew indiretta li jistgħu jseħħu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni. L-organizzaturi ma jistgħu f’ebda ċirkostanza jinżammu responsabbli għall-kanċellazzjoni, il-posponiment jew il-modifikazzjoni tal-kompetizzjoni minħabba ċirkustanzi mhux previsti. Id-dati msemmija jistgħu jinbidlu għal raġunijiet organizzattivi jew ċirkostanzi mhux previsti.

L-organizzaturi taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe dewmien, tibdil, interruzzjoni, kanċellazzjoni, devjazzjoni jew sostituzzjoni, nuqqas ta' disponibbiltà tal-premju/premjijiet minħabba festi pubbliċi lokali jew kundizzjonijiet oħra li jaffettwaw id-disponibbiltà jew it-tgawdija tal-premju/premjijiet. Il-kuntrattur ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu minħabba xi pandemija, diżastru naturali, ordni jew regolamentazzjoni governattiva, jew kwalunkwe kawża oħra li ma jkollux kontroll fuqha.

L-organizzaturi jirriżervaw id-dritt fi kwalunkwe ħin, mingħajr ebda responsabbiltà, li jimmodifikaw jew iwaqqfu, b’mod temporanju jew permanenti, din il-kompetizzjoni b’avviż minn qabel lill-parteċipanti jew mingħajr avviż.

Grazzi bil-quddiem talli se tieħdu sehem u nawgurawlkom li tirbħu!

 

Informazzjoni ġenerali dwar il-kompetizzjoni tal-videos ImagineEU

Linji gwida dwar kif tagħmel il-video

 Irrekordjar:: Rekwiżiti tekniċi bażiċi  
  • 720p, 1080p jew 4K huwa preferut | 25fps, 30fps jew 60fps 
  • Landscape (dawwar it-telefown tiegħek fuq il-ġenb) (rakkomandat) 
  • sa 3 minuti  
  • .mp4 jew .mov 
Irrekordjar: Pariri tekniċi  
  • Dawl: Id-dawl naturali minn tieqa huwa ideali. Li tiffaċċja s-sors tad-dawl tiegħek huwa dejjem aħjar milli jkollok id-dawl ġej minn warajk peress li dan joħloq dellijiet.  
  • Ħoss: Evita ambjenti storbjużi ħafna jew bir-riħ. Jekk possibbli, uża Bluetooth/mikrofonu estern imqabbad mat-telefown jew mal-kamera.  
  • Sfond: Agħżel sfond sempliċi mingħajr distrazzjoni. Żomm distanza minnu biex jiġi mċajpar kemm jista’ jkun.  
  • Ikseb l-għajnuna: Ħalli lil xi ħadd ieħor iżomm l-ismartphone tiegħek sabiex tkun tista’ tuża l-lenti prinċipali tiegħu u tevita l-lenti tas-selfie. 
Kamera rakkomandata  
  • Kamera Mirrorless jew DSLR 
  • Kamera tal-mobile rakkomandata: iPhone 11 jew aktar avvanzat, Samsung Galaxy ta’ kwalità għolja, jew simili.  
  • Tagħmir addizzjonali: Tripod, selfie stick, gimbal jew mikrofonu jista’ jtejjeb it-teħid tal-video u l-istabbilizzazzjoni tiegħek, iżda mhumiex meħtieġa.  
  • Editjar tal-video: Microsoft Windows joffri l-Windows Movie Maker u l-macOS joffri l-iMovie, GoPro joffri QuickApp li jkopri l-elementi bażiċi, Adobe joffri l-Premiere, Apple joffri l-Final Cut u Blackmagic joffri d-DaVinci għal użu iktar professjonali.  

F’każ li tixtieq iżżid sottotitli bl-Ingliż, tista’ tuża s-software Adobe Premiere jew Final Cut Pro

Mużika  

Jekk tuża l-mużika, nagħtuk parir li tuża mużika mingħajr drittijiet tal-awtur. Jekk ikollok dubju, iċċekkja l-Creative Commons biex tiżgura li tkun qed timxi skont il-liġi. 

Ftehim ta’ liċenzja  

Biex niżguraw li nkunu nistgħu nippubblikaw il-video tiegħek fuq il-mezzi tal-media soċjali u s-siti web tagħna, inti tiddikjara li inti għandek id-drittijiet tal-awtur kollha, inklużi d-drittijiet tal-mużika.  

Privatezza tad-data  

Kull min jidher fil-video jiddikjara li ġie infurmat dwar l-iskopijiet tal-video, fejn se jiġi ppubblikat, u dwar id-drittijiet tal-privatezza tad-data tiegħu kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza, billi jiffirma l-Formola ta’ Awtorizzazzjoni.  

Informazzjoni addizzjonali 

Inkludi titlu u krediti fil-film innifsu għal kwalunkwe informazzjoni, immaġni, awdjo, jew biċċiet ta' video li mhumiex tiegħek stess. L-informazzjoni kollha ppreżentata fil-video trid tiġi ċċitata kif xieraq, u jrid jingħata kreditu lis-sors oriġinali.  

Uża immaġnijiet, filmati u mużika oriġinali, mingħajr drittijiet tal-awtur, jew ta’ dominju pubbliku. 

Mhuwiex permess li jiġu sottomessi videos li b’xi mod iservu bħala reklam għal prodott, partit politiku jew kumpanija.  

Lingwa  

Il-videos jistgħu jinħolqu bi kwalunkwe lingwa tal-UE u jiġu sottomessi b’sottotitli jew mingħajrhom.  

Dawn iridu jkunu akkumpanjati minn traskrizzjoni tradotta bl-Ingliż, kif mitlub fil-Formola ta’ Applikazzjoni.

 

Dikjarazzjoni ta’ privatezza

Dikjarazzjoni ta’ privatezza
Malti
(464.45 KB - PDF)
Iddawnlowdja

Formola ta’ awtorizzazzjoni (meħtieġa għas-sottomissjoni)

Formola ta’ awtorizzazzjoni
Malti
(52.76 KB - DOCX)
Iddawnlowdja
Tixtieq titgħallem u tikkollabora?